Fiha u ma fihiex li Ministru tal-Finanzi jassumi r-rwol ta’ promotur tal-interessi ta’ Malta u jpinġi stampa sabiħa tas-sitwazzjoni. Iżda fiha meta jġib ruħu qisu bejjiegħ ta’ vetturi sekondaman hu u jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel.
Meta Edward Scicluna kiteb lil tal-Financial Times u widdibhom talli kellhom l-ardir ixandru rapport dwar it-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema Maltija tal-passaporti, missejna qiegħ ieħor.
Scicluna tkaża talli tal-Financial Times naqsu li jxandru rapport dwar dak li benġel Joseph Muscat fis-sens li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant tat assoluzzjoni kemm lilu kif ukoll lil tal-Pilatus Bank.
Minkejja li, aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jinkixef taħwid minn naħa ta’ Ali Sadr, il-gvern ta’ Joseph Muscat baqa’ jagħtih il-kenn. U għadhom ifixklu xogħol l-aġenziji tal-infurzar f’dak li għandu x’jaqsam mat-teħid ta’ azzjonijiet kontra tal-Pilatus Bank.
M’għandniex xi ngħidu, xogħol Aaron Bugeja qatt ma kien dak li jinvestiga dwar jekk tal-Pilatus Bank ħaslux flus maħmuġin jew le. U Aaron Bugeja mill-ewwel għamilha ċara li ma kienx bi ħsiebu jittratta kwistjonijiet li ma kienx ġie imqabbad li jittratta. Madankollu, mill-ftit li nafu s’issa tal-kontenut tar-rapport, huwa kkonferma li wlied Aliyev għamlu użu mis-servizzi bankarji tal-Pilatus Bank.
Skond rapport dwar l-ittra ta’ Edward Scicluna mxandar f’The Malta Independent, il-Ministru naqas li jfakkar lil tal-Financial Times li kienu ngħataw il-ġenb u ndifnu l-konklużjonijiet ta’ investigazzjonijiet tal-FIAU li kkonkludew li fil-Pilatus Bank kien hemm nuqqasijiet serji u li seħħew l-illegalitajiet. U dan biex ma nsemmux l-akkużi li Ali Sadr, bħala sid il-Bank, jinsab mixli bihom fl-Istati Uniti.
Iżda hemm ukoll perspettiva aktar wiesa’ għal dan kollu li hi tabilħaqq inkwetanti.
Il-bieraħ il-gvern xandar baxx baxx l-isem tal-kumpannija Maltija li allegatament ħaslet flus maħmuġin għall-President tal-Veneżwela Nicolas Maduro u għall-familja tiegħu.
Min xandar din l-aħbar – possibilment kienet idea sublimi ta’ Kurt Farrugia – x’aktarx ħaseb li din għandha tgħin biex ixxejjen il-kritika kontra l-gvern.
X’messaġġ ried iwassal min xandar l-aħbar?
L-ewwelnett: li l-każ diġà nafu bih, li l-Amerikani ma qabduniex fuq sieq waħda bħalma ġara’ fil-każ tal-Pilatus Bank u li l-FIAU tinsab taħdem fuq il-każ. Speċi ta’ kollox jinsab miexi fuq ir-rubini.
It-tieni: li din il-kumpannija m’għandha x’taqsam xejn mal-Pilatus Bank, m’għandha ebda rabta mal-gvern u allura din m’hix konnessa mal-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni li hemm kontra Joseph Muscat u sħabu.
It-tielet: il-kumpannija nħolqot fl-2011 meta l-Labour kien għadu ma telax fil-gvern u allura jekk kien hemm xi nuqqasijiet, dawn kienu jaħtu għalihom in-Nazzjonalisti.
U proprju hawn jeħtieġ li jsiru xi osservazzjonijiet b’rabta mal-istorja Veneżwelana tal-ħasil tal-flus.
L-ewwel: max-xmara ta’ flejjes li qed tgħaddi minn Malta, hemm problema serja ta’ ħasil ta’ flus. Il-każijiet li smajna bihom huma segwiti b’prosekuzzjoni fl-Istati Uniti. L-aġenziji federali tal-infurzar fl-Istati Uniti ma jinfurrzawx il-liġijiet Maltin, iżda jinfurzaw dawk Amerikani. U dawn m’għandhom ebda awtorità f’Malta għax il-kompetenza tagħhom tkopri biss it-territorju tal-Istati Uniti. Dan ifisser li hawn qegħdin nitħaddtu dwar ħasil ta’ flus li jikser il-liġijiet Amerikani meta l-awtoritajiet tal-Amerika jkun irnexxielhom jaqbdu lill-allegati ħassiela tal-flus fit-territorju Amerikan. Fi kliem ieħor, fejn għandu x’jaqsam il-ħasil tal-flus għadna ma nafux kemm fil-fatt hi gravi s-sitwazzjoni.
it-tieni: din il-kwistjoni ma bdietx hekk kif Edward Scicluna ħa s-setgħa. Inkunu qisna ta’ subgħajna f’ħalqna jekk naħsbu hekk. Erġgħu segwu l-intervista li l-BBC kien għamel lil Jonathan Benton f’Ottubru 2017. Dan il-bniedem kien konsulent tal-Prim Ministru Ingliż dwar il-korruzzjoni u kien kap tal-International Corruption Unit tan-National Crime Agency tar-Renju Unit. Hemm xmara kbira ta’ flejjes li tgħaddi minn Malta u kważi ħadd ma jagħti każ minkejja li fil-pajjiż hemm problema serja ħafna ta’ ħasil ta’ flus.
It-tielet: din il-kwistjoni kompliet taggrava kemm ilu li tela’ fil-gvern il-Partit Laburista. Insemmi biss il-protezzjoni li għadha sal-lum qed tingħata lil tal-Pilatus Bank, il-fatt li l-korp tal-pulizija ddgħajjef hekk kif beda’ jitmexxa mill-bażużli, l-intimidazzjoni lill-whistleblowers u t-tkeċċija tal-investigaturi tal-FIAU li ażżardaw iwettqu xogħolhom kif suppost: bis-saħħa ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kollha, l-infurzar tal-liġijiet tagħna mar il-baħar .
U l-infurzar mar il-baħar biex setgħu jinfetħu l-bibien beraħ għall-korruzzjoni. Kif stqarr Jonathan Benton f’Ottubru: “Malta qed tħabbat wiċċha ma’ problema serja ta’ ħasil ta’ flus. Il-ħasil ta’ flus jimxi id f’id mal-korruzzjoni fil-politika u ma jistax ikun hemm fiduċja fil-proċess ġudizzjarju, fl-indipendenza tal-ġudikanti u fis-saltna tad-dritt. Hi ħaġa tal-iskantament li dan kollu qed iseħħ fi stat membru tal-Unjoni Ewropea. L-iskema tal-passaporti tinsab ħaġa waħda mal-istruttura tal-korruzzjoni f’Malta. Tal-FBI imisshom jintbagħtu Malta biex jinvestigaw il-korruzzjoni. Il-gvern tar-Renju Unit għandu jgħarbel dak kollu li jkun ġej minn Malta. Jeħtieġ li ssir xi ħaġa bis-serjetà”.
Ir-raba’: jekk m’aħniex kapaċi li nikkontrollaw il-ħasil tal-flus permezz tas-servizzi li qegħdin nipprovdu, aħsbu ftit x’problemi akbar ikollna ma’ wiċċna hekk kif Malta ssir “l-ewwel pajjiż fid-dinja b’regolamenti dwar it-teknoloġija tal-blockchain”. Qegħdin noħorġu b’liġijiet li jidhru sbieħ fuq il-karta iżda m’hu qed isir xejn biex jissaħħu l-aġenziji tal-infurzar bl-għodda li huma meħtieġa fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
U jidher ċar li dan kollu qed iseħħ skond pjan maħsub.