Matthew Caruana Galizia huwa xhud ieħor li xehed fl-inkjesta Egrant li stqarr li kien ġie mwissi mill-Maġistrat Aaron Bugeja li jista’ jkun hemm konsegwenzi kemm il-darba provi li għandu fil-pussess tiegħu jiġu mgħoddija lill-inkjesta. “Meta aktar minn sena ilu kont xhedt quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, huwa wissieni li ma setgħax jagħtini l-protezzjoni jekk jien ngħaddilu l-e-mails u l-informazzjoni li għandi”.

Maria Efimova kienet stqarret l-istess ħaġa meta qalet li l-Maġistrat Bugeja kien wissieha li l-provi li hi allegat li kellha f’idejha dwar ksur ta’ liġi minn persuni oħrajn jistgħu jinkriminawha għax jista’ jagħti l-każ li għandha fil-pussess tagħha dokumenti li mhux suppost jinsabu f’idejha.

L-inkjesta ma pprovdiet immunità mill-prosekuzzjoni jew whistleblower status lil ħadd.

Il-Maġistrat m’għandux is-setgħa li jxejjen akkużi bi bdil ma’ evidenza li tista’ tintuża mill-prosekuzzjoni.

Għaliex f’inkjesta, il-Maġistrat ma jagħmilhiex ta’ mħallef, jew ta’ prosekutur, jew saħansitra ta’ investigatur.

Xogħolu jikkonsisti biss fil-ġbir tal-provi u m’għandux is-setgħa li jagħti garanziji dwar il-mod kif dawk il-provi jistgħu jintużaw mill-pulizija jew mill-prosekuzzjoni.

F’reazzjoni għal intervista li Cyrus Engerer ta lil Lovin Malta, Matthew Caruana Galizia kiteb: “jeżistu mijiet ta’ gigabytes ta’ provi dwar Egrant u dwar il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi”.

Matthew Caruana Galizia jgħid li bħala riżultat tat-twissija ta’ Aaron Bugeja “nofs il-provi ma nġabux quddiem l-inkjesta sakemm imbagħad il-Pulizija Federali Ġermaniża imponiethom fuq il-Pulizija Maltija, li kienu xtraw kopja”.

“Għal kważi sena sħiħa sakemm interveniet il-Pulizija Ġermaniża, l-Maġistrat kien fil-għama”.

In-nofs l-ieħor tal-provi jikkonsisti f’e-mails li kienu ntbagħtu minn Nexia BT u Mossack Fonseca wara li li feġġew fl-aħbarijiet l-istejjer b’rabta mal-Panama Papers.

“Dawn l-e-mails fihom dokumenti dwar Egrant li kienu ġew iffalsifikati minn Karl Cini u Luis Quiel, avukat ma’ Mossack Fonseca li aktar tard kien tkeċċa. La l-Maġistrat Bugeja u lanqas l-Ispettur inkompetenti Ian Abdilla m’għamlu xi talba biex tiġi mgħoddija lilhom din l-informazzjoni.”

Dak li stqarr Matthew Caruana Galizia dwar l-iffalsifikar tad-dokumenti dwar Egrant huwa ferm sinjifikanti u dan fil-kuntest tal-fatt li s’issa ftit li xejn ħareġ mir-riżultat tal-inkjesta.

Din l-istqarrija tikkonferma dak li kkonkludiet l-inkjesta dwar l-iffalsifikar tad-dokumenti iżda titfa’ r-responsabbiltà għal dan l-iffalsifikar band’oħra.

Matthew Caruana Galizia kkonkluda billi kiteb li “Cyrus Engerer u Joseph  jinteressahom biss il-flus u s-setgħa — u dawn ikunu jriduhom u jakkwistawhom akkost li min jesiġi l-kontabilità mingħandhom jispiċċa trietaq”.

“Aħna rridu li ssir il-ġustizzja. U l-ġustizzja ser isseħħ.”

Araw it-test sħiħ tal-post ta’ Matthew Caruana Galizia u l-link għall-intervista li għamlet Lovin Malta lil Cyrus Engerer: