Miktub minn Karen Calleja li kienet preżenti għall-velja tal-bieraħ:
Ġraw ħafna affarijiet f’dawn l-aħħar 10 xhur, iżda m’għaddiex jum wieħed li fih il-ħsibijiet tagħna ma marrux fuq Daphne Caruana Galizia, li fih ma semmejnihiex u ma ftakarniex fiha. Għadni sal-lum naqra l-istejjer li kienet tikteb fir-Running Commentary sabiex infakkar lili nnifsi u sabiex inħoss il-presenza tagħha. U dejjem nispiċċa ngħid, ‘Kemm kellha raġun!’
Napprezza l-fatt li lil Daphne kont issibha fuq quddiem nett, tissielet kontra l-kurrent u ma kinitx taqta’ qalbha minkejja x-xkiel u l-ostakli li kienet ta’ spiss issib ma’ wiċċha. Dak li kienet temmen fih kienet tissielet għalih b’ħerqa kbira; il-korruzzjoni u lill-korrotti kienet tikxifhom b’rieda tal-azzar. Permezz tal-kitbiet tagħha, ġiegħelitna nkunu għatxana u sabiex dejjem inkunu lesti li niġġieldu għall-verità u għas-sewwa. U sabiex nesiġuhom.
Iva għadna sal-lum irrabjati u b’qalbna sewda. Xi drabi nħossu li ninsabu weħidna f’dan kollu jew li aħna ftit wisq fin-numru. Iżda l-verità hi li m’aħniex. Forsi huwa minnu li mhux kulħadd għandu l-ħila li jgħid dak li jkun jixtieq igħid; forsi mhux kulħadd jista’ jattendi għall-velji jew li jikteb fil-media soċjali għal raġunijiet li wieħed jista’ jifhem. Iżda kemm ħafna u ħafna minn fostna li huma ħerqana li jirreżistu kontra s-sitwazzjoni preżenti u hekk qegħdin jagħmlu skond il-ħiliet tagħhom.
Mhux suppost li ninsabu f’din is-sitwazzjoni. Mhux suppost li, għal darb’oħra sibna ruħna nissieltu biex inħarsu d-demokrazija, l-libertà, s-sigurtà jew lill-pajjiżna stess. Suppost qegħdin ngħixu b’moħħna mistrieħ; suppost qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn nafu li uliedna għandhom futur sabiħ jistennihom; suppost qegħdin ngħixu komdi f’dan il-pajjiż ċkejken fejn ma ssib lil ħadd jorqod barra fuq il-bankijiet; suppost qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn kulħadd għandu l-mezzi finanzjarji biex igawdi l-ħajja u fejn l-ambjent huwa sabiħ għax imħares; suppost qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn dawk li għandhom is-setgħa jirsistu biex lill-pajjiżna iġibuh ‘il quddiem.
Ir-realtà, iżda, m’hix din. U għalhekk jeħtieġ li nsemmgħu leħinna. “Malta tagħna lkoll”. U żgur li hi. U għaliex “Malta tagħna lkoll” ma nistgħux nibqgħu b’ħalqna magħluq jew indifferenti għal dak kollu li qed jiġri madwarna. Ma nistgħux insiru kompliċi ma dawk li qed ikissru lill-pajjiżna. Ta’ qabilna ssieltu qatigħ u b’determinazzjoni kbira biex jaraw lil Malta fil-quċċata. Issilitna biex erġajna’ tajna r-ruħ lil Malta u għollejnilha isimha mal-barranin.
Issa minna tas-soċjetà ċivili qed jerġa’ jonqos. Mhux biss f’ġieħ dawk ta’ qabilna iżda wkoll għal uliedna u dawk li għad iridu jitwieldu.