Qorti speċjali fil-Panama ċaħdet talba ta’ Jaqueline Alexander għal libertà proviżorja waqt li jinsabu għaddejjin investigazzjonijiet dwar is-sehem tagħha f’atti ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin.
L-inkjesta Egrant straħet fuq stqarrija li għamlet Jaqueline Alexander fil-Panama stess biex setgħet ġiet attakkata l-kredibilità ta’ provi dokumentati li ġew mgħoddija lill-Maġistrat li jindikaw li Michelle Muscat hi s-sid ta’ kumpannija sigrieta fil-Panama.
Fir-2 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Speċjali li tagħmel parti mis-Sbatax il-Qorti tal-Panama ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja magħmula minn Jaqueline Alexander u ħames eks impjegati oħra ta’ Mossack Fonseca “fil-proċess kontra Maria Mercedes Riano u oħrajn minħabba allegati reati kontra l-ordni ekonomiku fil-forma ta’ ħasil ta’ flus.”
Minn dokumenti tal-Qorti tal-Panama jirriżulta li “l-imħallef speċjali, Baloisa Martinez ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq Artiklu 2006 tal-Kodiċi Ġudizzjarju li jipprovdi li l-akkużata hija persuna li waqt kors il-proċess ġiet akkużata bħala “awtriċi jew parteċipanta f’reat kriminali”.
Jaqueline Alexander qed tiġi investigata, flimkien ma’ sħabha eks impjegati ta’ Mossack Fonseca, mill-Uffiċċju numru 2 tal-Prosekutur kontra l-kriminalità organizzata, li hu l-istess uffiċċju fejn qed jinżammu taħt arrest Ramon Fonseca and Juergen Mossack, li kienu sħab sidien ta’ Mossack Fonseca.
Il-ħames impjegati l-oħra li ġiet miċħuda lilhom il-libertà proviżorja huma Yakeline Perez, George Allen, Carmen Wong, Yvette Rogers u Imogene Wilson.