Jeħtieġ li jiġi ċċarat punt li qed joħloq ċerta konfużjoni f’moħħ in-nies: l-inkjesta Egrant ma ntalbitx mill-prim ministru skond il-prerogattiva li għandu taħt il-liġi speċjali li tirregola l-inkjesti.

Minflok għamel dan, il-prim ministru, kontra kull prassi, qabbad lill-kummissarju tal-pulizija biex jitlob li ssir inkjesta maġisterjali b’termini ta’ riferenza imposti minn min suppost qed jiġi investigat: jiġifieri Joseph Muscat. 

X’jiġri s-soltu f’każijiet simili? F’każijiet bħal dawn l-inkjesta ssir strettament fil-magħluq u r-riżultat tagħha jiġi mgħoddi lill-avukat ġenerali taħt segretezza kbira. L-ewwel ħaġa li jkollu jagħmel l-avukat ġenerali tkun li jgħarbel ir-rapport tal-inkjesta u li jara jkunux saru l-mistoqsijiet kollha li kellhom isiru. Imbagħad jekk ikun jidhirlu li fih in-nuqqasijiet, xogħolu jkun li jibgħat ir-rapport lura lill-maġistrat b’lista ta’ kjarifiki li jkunu meħtieġa.

Fil-każ tal-Egrant, dan kollu ma seħħx u lanqas seta’ jseħħ. Għaliex, f’radda ta’ salib, ir-rapport mingħand il-Maġistrat sab ruħu għand l-avukat ġenerali u mbagħad dritt għal għand il-prim ministru.

Għal darb’oħra l-avukat ġenerali naqas minn dmirijietu u minflok għażel li jaqdi l-interessi tal-prim ministru bħallikieku dan huwa l-klijent tiegħu.

Mir-rapport tal-inkjesta, l-prim ministru silet biss dak li jdoqq għal widnejh u ċappsu fl-uċuħ tan-nies. U sabiex jattira s-simpatija, qabbeż demgħa jew tnejn minn għajnejh. Din issa hi l-istorja uffiċjali u min jiddubitaha huwa kunsidrat li għandu rasu mgħaddsa fir-ramel.

It-tieni fażi tal-istrateġija kkonsistiet fl-intervisti orkestrati li saru lil Michelle Muscat u lil Adrian Delia.

Issa ninsabu fit-tielet fażi tal-kampanja.

Tal-Malta Today qed ixandru stejjer “esklussivi” li suppost huma mislutin minn 97% tar-rapport tal-inkjesta li baqa’ ma xxandarx.

Dawn mingħalihom li dan huwa ġurnaliżmu. Mhux qed jistqarru li r-rapport rawħ jew li akkwistaw kopja tiegħu. Minflok, kif diġà ntbaħna, qed jitkellmu mal-persuna li dwarha sar ir-rapport u mal-qaddejja tagħha u qegħdin ixandru biss siltiet minn dak li jidhrilhom huma li għandna nsiru nafu bih.

M’jinix ċert jekk l-avukat ġenerali antiċipax dak li qed iseħħ bħalissa. L-esperjenza s’issa wriet li l-avukat ġenerali m’huwiex xi persuna li jeċċella f’dan ir-rigward. Hu u jiċħad talbiet għall-pubblikazzjoni tar-rapport kollu bl-iskuża tal-integrità tal-inkjesti li għad iridu jsiru, min jaf kemm l-avukat ġenerali jħossux qiesu ċuċ hekk kif Joseph Muscat ixandar biss dak li jaqbillu permezz tal-Malta Today.

Li kieku Peter Grech kellu nitfa integrità, kien jinsisti li jaqra’ r-rapport sħiħ qabel igħaddiħ lill-persuna li dwarha saret l-investigazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, il-kelma “integrità” Joseph Muscat m’għandux l-iċken idea xi tfisser. U Saviour Balzan wera’ m’għandu integrità ta’ xejn hekk kif, minflok talab li jeżamina r-rapport kollu biex juri li m’hu jaqdi lil ħadd ħlief lill-qarrejja tiegħu, aċċetta li jingħata biċċiet mir-rapport magħżulin minn ħaddieħor.

Minflok ħaddnu l-integrità, dawn il-qaddejja kollha għażlu li jkunu kompliċi fil-manipulazzjoni tal-prim ministru. Ix-xandir ta’ dawk is-siltiet biss li jdoqqu għal widnejh jammonta għal gideb. Jekk għandek informazzjoni fuq mitt ħaġa u xxandar informazzjoni fuq għaxra biss, tkun qed tagħżel int liema mid-disgħin għandek tostor. U dan jammonta għal gideb.

Dawk il-professjonisti kollha li qed jippermettu lilhom infushom li jiġu wżati b’dan il-mod makakk, għandhom jirriflettu ftit dwar il-pożizzjoni tagħhom.

Araw ftit kif l-avukati ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-oħrajn tal-klikka tal-Panama lanqas biss indenjaw ruħħom li jappellaw huma stess mis-sentenza tal-qorti kostituzzjonali li ddeċidiet li l-Imħallef Antonio Mizzi – ir-raġel ta’ MEP Laburista  – għandu jwarrab u jagħmel il-wisa’ għal Imħallef ieħor biex jiġi deċiż l-appell li għamlet il-Klikka tal-Panama minn ordni tal-qorti biex dawn jiġu nvestigati fuq it-taħwid li wettqu skond dak li inkixef mill-Panama Papers.

U ma ndenjawx ruħħom għax Peter Grech daħal għaliha hu. Ovvjament biex itawwal. Antonio Mizzi dalwaqt jitira. Iżda sakemm jiġi biex jinstema’ l-appell mis-sentenza li ordnatlu jwarrab mill-każ tal-Panama, se jilħqu jgħaddu x-xhur, il-provi jinħbew u min hu taħt suspett igħaddiha lixxa. Grazzi għas-servizzi tal-avukat ġenerali.

Tabilħaqq ma nkunux qed neżaġeraw meta nsejjħu lil dan il-pajjiż Mafia State.