Meta storja jkun hemm min iqisha bħallikieku kienet Vanġelu u dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom ma jitilfux mument wieħed biex jippruvaw ibellgħuha sal-gerżuma tan-nies li tabilħaqq hi Vanġelu u li dan ħadd m’għandu l-jedd li jiddubitah, ma jistax jonqos li jkun hemm min joħroġ b’mistoqsijiet pertinenti.

It-theddid u x-xiljiet x’aktarx iġiegħlu lil dak li jkun jissuspetta li fl-istorja hemm xi ħaġa li ma ddoqqx. Ftit ħafna huma dawk li raw ir-rapport tal-inkjesta Egrant: l-awtur u l-ħaddiema tal-uffiċċju tal-maġistrat; l-avukat ġenerali u l-ħaddiema tal-uffiċċju tiegħu; xi membri tal-korp tal-pulizija; u l-prim ministru u dawk ta’ madwaru.

U minkejja dan, dawk li qegħdin jistaqsu mistoqsijiet dwar x’fih ir-rapport qed jiġu mixlija li qegħdin iqanqlu d-dubji apposta, li ma jaħmlux lill-familja Muscat, li l-fatti u raġuni ma jridux jafu bihom, li qed jonqsu li jirrispettaw is-saltna tad-dritt jew – din xilja ġdida tal-Labour  – li t-tir tagħhom hu li “jattakkaw” lil Aaron Bugeja.

Ejjew neżaminaw il-qagħda bil-kalma. Indunajtu kif qomsu tal-Labour wara li llum id-Deputat tal-PN Karol Aquilina ażżarda jikteb li l-inkjesta m’għandhiex titqies bħallikieku hi Vanġelu u li din l-inkjesta għandha tinfetaħ mill-ġdid wara li rriżulta li, sa fejn huwa magħruf, ċerti fatti ma ttiħdux in konsiderazzjoni mill-inkjesta.

Aħarquh! Mitlufin f’dagħdiha liema bħalha, lil Adrian Delia tal-Labour qalulu li lil Karol Aquilina għandu jsikktu u sabiex ma jħalliħx iqanqal dubji.

Wara li jien ktibt artiklu fuq is-Sunday Times of Malta li fih għamilt suġġeriment simili, fuq il-Facebook id-Deputat Jason Azzopardi ukoll qabel li l-Maġistrat għandu jerġa’ jagħti daqqa t’għajn oħra. Iżda l-inkjesta, li suppost kellha tinvestiga l-għemil tal-prim ministru, f’radda ta’ salib issa saret speċi ta’ inkwiżizzjoni kontra min jażżarda jdejjaq lill-koppja Muscat.

The Malta Independent ikkonfermat l-aħbar mistennija li Maria Efimova se tiġi mixlija  bi sperġur, diffamazzjoni u frodi. Dan hi aħbar “mistennija” mhux għax oġġettivament Efimova għandha xi ħtija iżda għaliex tal-Labour ilhom żmien twil jippersegwitawha sew minn qabel isimha feġġ fl-aħbarijiet. Dawn diġà ppruvaw iġibuha Malta b’estradizzjoni fuq akkużi foloz. U jidher li hekk se jippruvaw jerġgħu jagħmlu.

Madankollu ma jidhirx li se jakkużawha li ħadmet bħala spija għar-Russja. Fuq hekk kien xlieha personalment Joseph Muscat. Tgħid il-pulizija se jressqu lilu b’akkuża ta’ diffamazzjoni? Wieħed għandu għalxiex jaħseb li lill-ambaxxatur Russu il-prim ministru jeħtieġ jagħmillu xi kjarifiki. Bl-iskreditar tax-xhieda ta’ Maria Efimova u t-tkissir tar-reputazzjoni tagħha, mhux Joseph Muscat biss ikun qed jinqeda’. Ikun qed jinqeda’ wkoll is-sid tal-Pilatus Bank. Għax ikun jaqbel jekk il-mara li Ali Sadr xela’ falz li kienet serqitu meta fil-fatt kien hu, kif ammetta l-amministratur tal-bank, li kien midjun magħha, tiġi skreditata bħala xhud.

Hu u jaqra din il-kitba minn New York, fejn qed jinżamm b’ordni tal-qorti, Ali Sadr għandu għalxiex ikun sodisfatt meta jara li l-gvern Malti għal darb’oħra qiegħed jaqdih billi jeqred provi li jistgħu jwasslu biex jinqafel f’ċella għal għomru. Dak li Ali Sadr ma rnexxilux jagħmel bis-saħħa tal-ftuħ ta’ kawża ta’ 40 miljun dollaru f’Arizona kontra Daphne Caruana Galizia — u Alla biss jaf x’għamel aktar – jista’ jwettqu jekk jirnexxilu “jdendel” lil Maria Efimova.

Din l-inkwiżizzjoni mhix qed issir biex tħares xi domma tal-fidi. It-theddid u l-intimidazzjoni ġejjin mill-kbarat ta’ Kastilja u mill-qaddejja tagħhom fil-kwartieri taż-żewġ partiti politiċi u mill-uffiċċji tal-prosekuturi u tal-kbarat tal-pulizija qed isiru bl-iskop li jġiegħeluk temmen li dawn m’humiex ċorma ħallelin, li l-provi fuq provi li hemm kontra tagħhom huma biss frott l-immaġinazzjoni u li min qed jixlihom ħaqqu li jinħaraq.

Iżda, s’issa, żewġ deputati parlamentari kellhom il-kuraġġ li jgħidu li għad hemm “imma”.