L-Għaqda tal-Għalliema – il-MUT – ġiegħlet lill-gvern iwarrab mill-Parlament ir-riformi li kien qed jipproponi. Kif stqarr Evarist Bartolo stess, dak li ġara’ x’aktarx kien mingħajr preċedent. Mhux l-ewwel darba li smajna b’Ministru li jkun ikollu jreġġa’ lura xi avviż legali li jkun sar bil-għaġġla. Iżda meta jitwarrab għal kollox abbozz ta’ liġi li jkun diġà għadda minn għadd ta’ stadji fil-Parlament, il-gvern ikun ċeda l-armi bl-għeruq u x-xniexel.
Il-MUT mhux biss lill-gvern ġiegħlitu jċedi. Ġiegħlet lill-Parlament iċedi wkoll. Ma tantx konna smajna diskorsi dwar dan l-abbozz ta’ liġi min-naħat kollha tal-Parlament u issa ebda naħa m’hi se jkollha l-opportunità li tivvota favurih jew kontrih.
B’din l-esperjenza, l-gvern instamat bil-kbir. Mhux imdorri li jkollu min jirreżistih b’daqstant saħħa bħalma rreżistewħ l-għalliema. F’sitwazzjonijiet simili, l-gvern is-soltu jimmobilizza l-alleati li jkollu f’qasam partikolari u jiddemonizza lill-avversarju. U l-għalliema m’humiex mira daqstant diffiċli għal trattament bħal dan.
Madankollu, f’dan il-każ lil Evarist Bartolo malajr żelqitlu minn idejħ. U kien messu ntebaħ li, bil-ġarra ġejja u sejra, meta tgħajjarhom għażżenin, imfissdin, neqsin mill-professjonalità u ħaddiema bin-nofs ta’ nhar, dik il-ġarra fl-aħħar se tinkiser.
Bla dubju kien hemm falliment tal-proċess leġislattiv. L-għodda b’riżq id-djalogu soċjali, id-djalogu politiku miftuħ u n-nuqqas ta’ qbil li jista’ jwassal biex wieħed jitgħallem u jtejjeb dak li jipproponi l-gvern, sfaw fix-xejn grazzi għall-ambjent li ħoloq il-gvern li permezz tiegħu wera’ li kien bi ħsiebu jimponi.
Tajjeb jew ħażin, peress li l-gvern imdorri jara li tgħaddi tiegħu, qatt ma tgħallem jinnegozja għax jippretendi li kulħadd għandi jbaxxi rasu.
F’demokrazija normali, tkun ħaġa ta’ barra minn hawn jekk tipprova tgħaddi mill-Parlament pakkett leġislattiv kumpless bħal dan mingħajr ma tkun ikkonsultjat minn qabel ma dawk li jkunu se jintlaqtu. Malta m’għandhiex xi bokka b’Joseph Muscat daqs kemm mingħalih li għandha bih.
Il-MUT għamlet sew li sfidat il-kunfidenza żejda tiegħu meta, hu u jipprova jilgħabha tal-ors magħha, kixfitlu l-karti kollha.
‘Waqqfu l-istrajk u aħna mbagħad inwarrbu r-riformi,’ Joseph Muscat qal lill-MUT bħallikieku kien qed jitħaddet mas-salt lagħqa li hu mdorri jagħmilha magħhom. Tawh risposta xierqa billi lebbtulu ‘l barra mill-kamra.
L-għalliema lill-prim ministru qalulu: jekk tittrattana bħat-tfal, malajr nuruk kemm għad fadallek x’titgħallem.
U eżatt bħal dak il-bully li jkun ġie dixxiplinat, in-nofs tbissima ta’ fuq wiċċu kellha ttirlu mar-riħ, l-arroganza li beda’ biha dabitlu u kellu jċedi l-armi bit-twarrib tal-liġi li ried igħaddi.
Hekk kif din il-ġimgħa l-MUT wriet li lesta tiqaflu, x’aktarx li jkun hemm oħrajn li jitħajjru jagħmlu bħalhom. M’hemmx dubju li xi kultant jeħtieġ li lill-kbir Joseph ngħidulu “le”.