Il-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ l-ewwel Qorti li kienet iddikjarat li l-fatt li Silvio Valletta tħalla jmexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jammonta għal ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din is-sentenza kkonfermat ukoll is-sentenza tal-ewwel qorti li kienet ordnat it-tneħħija ta’ Silvio Valletta mill-investigazzjonijiet.

Il-Qorti komposta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri qalet li l-fatt li Silvio Valletta hu miżżewweġ lil ministru tal-gvern u huwa wkoll membru tal-bord tal-FIAU għandu jeskludieh mill-investigazzjonijiet dwar l-assassinju għar-raġuni li l-presenza tiegħu tista’ sservi ta’ xkiel għall-isforzi biex jinstab min kien il-moħħ wara l-qtil politiku.

Il-Qorti iżda ħassret dik il-parti tas-sentenza tal-ewwel qorti li kienet ordnat li l-investigazzjonijiet li Silvio Valletta kien leħaq għamel għandhom jiġu riveduti.

Is-sentenza importanti mogħtija llum mill-ogħla Qorti Maltija tikkonferma dak li sostniet il-familja Caruana Galizia fis-sens li Artiklu 2 tal-Konvenzjoni  — id-dritt għall-ħajja — inkiser mill-gvern ta’ Malta. Naturalment id-dritt għall-ħajja huwa dritt mill-aktar fundamentali li huwa mħares mill-Konvenzjoni.

Meta l-familja Caruana Galizia għall-ewwel darba wriet l-intenzjoni li tħares drittijietha fil-qorti u xandret parir legali li jgħid li l-gvern ta’ Malta kien qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea, il-gvern tgħidx kemm tkaża kemm biha kif ukoll bl-avukati tagħha.

Din is-sentenza tagħti raġun lill-familja Caruana Galizia li mill-ewwel insistiet li l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom ikunu ħielsa mill-indħil politiku u li m’għandhomx ikunu mmexxijin minn min jista’ jkun motivat favur li ma jinstabx tarf tal-każ.

Meta xehed quddiem l-ewwel qorti, Silvio Valletta stess kien qal li ma setax jeskludi li persuna li hi politikament esposta – bħal ma fil-fatt huwa hu – setgħet kellha x’taqsam mal-assassinju politiku li seħħ sena ilu.

Minkejja din l-ammissjoni, il-gvern baqa’ jinsisti li Silvio Valletta għandu jkompli jmexxi l-investigazzjoni u fil-fatt appella mis-sentenza tal-ewwel qorti li kienet ordnat it-tneħħija tiegħu. Dik is-sentenza issa ġiet konfermata.

Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi deheru għall-familja Caruana Galizia.