Wieħed jiskanta kif ħadu daqstant żmien biex igħiduha ċara u tonda. Dan kollu stennewħ dawk kollha li, meta kienet ħarġet l-idea li jinbiegħu l-passaporti, kienu oġġezzjonaw bil-qawwa. Il-bejgħ taċ-ċittadinanza jħaffef u jiffaċilita l-evażjoni tal-ħlas tat-taxxi u huwa theddida għas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej kollha li jirrikonoxxu d-dritt tal-moviment ħieles ta’ persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza ta’ dawk l-istati li huma l-aktar indifferenti u bla skrupli fosthom: jiġifieri stati bħal Malta.

Is-sinjali issa huma ċari ħafna. L-affarijiet mhux se jibqgħu kif inhuma llum. Il-OECD qed tikkunsidra lil Malta bħala għodda għall-evażjoni tat-taxxi. U l-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħti aktar importanza lill-aġenziji Ewropej tas-sigurtà li ilhom jisħqu żmien twil mal-mexxejja politiċi li s-sitwazzjoni attwali ma togħġobhom xejn.

Minn bejjiegħ taċ-ċittadinanza tar-repubbliki tal-banana fil-Karibew, Christian Kaelin għamel qabża enormi meta f’ħin bla waqt beda’ jbiegħ iċ-ċittadinanza ta’ pajjiż li kien sar membru tal-Unjoni Ewropea minkejja l-ostakli, t-tfixkil u r-reżistenza tal-Partit Laburista li assolutament ma riedx li ċittadini Maltin jiġu rikonoxxuti mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Italja u l-bqija l-istess bħallikieku huma ċittadini tagħhom stess. Kienu qalgħulna fwiedna sakemm fetħu l-bibien għal Malta u domna s-snin ninnegozjaw.

Issa se jkollhom jiffaċċjaw il-ħallelin, l-evażuri tat-taxxi u forsi lill-kriminali bil-mustaċċi li jixtru ċ-ċittadinanza min għandna.

U milli jidher l-Ewropa issa bdiet titlef il-paċenzja bina.

Aqraw l-intervista li The Guardian għamlet fuq dan is-suġġett mal-Kummissarju Vera Jourova. Joseph Muscat mhux se jibqa’ jipprova jgħaddihom minn għajn il-labra.