Minn Juanito Camilleri, miktuba nhar it-Tlieta, 16 t’Ottubru wara l-Manifestazzjoni għall-Ġustizzja u Verita’.

X’ġabek hawn illum ħabib?

Tgħid hi t-trobbija li sawru fik ommok u missierek?  Il-valuri li ħaddnu huma u li int tixtieq li tista’ tkebbes f’uliedek ukoll?… l-onestà, l-integrità, ir-rispett lejn l-awtorità.

Jaqaw dawn m’għadhomx moda?

Dawn blugħat ta’ min irid jagħmilha tal-ħelu, jew jilgħabha tal-qaddis?

U fuq kollox dawn l-ideali fejn iwassluk f’dan “l-aqwa zmien”, fejn igħodd biss kemm taf tiskot biex tinqeda, kemm taf tiżloq bla xkiel, u tiffanga?

Verament x’ġabek hawn illum?

Tgħid hi r-rabbja, l-korla li tinġemgħa bħal balla fl-istonku, meta tara min juża s-setgħa biex jimmanipula is-sistema tal-qrati, u tal-korpi tal-ordni publika, ħalli ifixkel il-ġustizzja, irrendiha f’parodija?

Daqs li kieku l-ġustizzja hi frott proċess mekaniku bla moħħ, bla ruh, bla prinċipji, fejn nilgħabu bil-kliem u nużaw xi proċedura bażwijja għas-skapitu tas-sewwa?

Suppost li l-għamad tal-ġustizja qiegħed hemm biex hi ma tfassalx skont il-wiċċ, skont il-lewn… u mhux biex tneħħi ħarsitha minn fuq il-verità.

Il-ġustizzja vera, trid tkun imsejsa fuq il-verità, il-verità kollha, u xejn ħlief il-verità ta’ Alla… bla tbażwir u manipulazjoni tal-opinjoni publika fil-media.

Izda nismagħkom tistaqsu: x’inhi l-verità?  Min qatilha?

X’ġabek hawn illum f’għeluq mewtha?

Forsi kienet is-sogħba, il-misthijja, jew il-kuxjenza… għax kif tista’ tibqa’ sieket, kif tista’ tagħlaq għajnejk għal dak li hu għaddej… ħallik mill-biza’, ħallik mill-interessi.

Int fhimt li għalkemm li tgħolli lehnek ta’ protesta sar jista’ jkollu konsegwenzi koroh, il-konsegwenzi huma ferm akbar jekk tibqa’ sieket quddiem l-inġustizja u l-korruzjoni.

Gejt hawn mhux għax trid taqla’ l-inkwiet iżda għax inkwetat, mhux għax għandek x’interess moħbi li tfixkel, iżda għax xbajt tara l-qerq ta’ min irid ifixkel u jimmanipola l-imħuħ biex tgħaddi tiegħu.

Iblah hu dak li jagħlaq għajnejh għax jahseb li jaqbillu ma jarax il-ħażen, min isodd widintu biex ma jismax l-għajta għal-ġustizzja, u min jagħlaq ħalqu ħlif biex jiffanga!

L-ahwa allura x’ġabna hawn illum?

Elf mistoqsija u waħda… waħda partikolari: 

Min hemm wara l-qtil ta’ Daphne u għaliex jidher li m’hemmx investigazjoni serja biex dan ikun żvelat?

Minflok hawn min b’ħerqa kbira jrid jitfi l-memorja tagħha u tal-kazijiet li fuqhom ippublikat.

Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem… u lilna lkoll, aghtina l-kuraġġ!