Mhux bi ħsiebni li hawn noqgħod nirriproduċi l-istqarrijiet li ma jitwemmnux li qed nirċievi online jew fil-mailbox privata tiegħi. Lanqas m’hu bi ħsiebni noqgħod insemmi l-fatt li issa qed nifhem sew minn fejn kienu ġejjin il-ħrejjef tal-“blogging tal-mibgħeda” u “awgurji li tfal jimirdu bil-kanċer” ta’ Daphne Caruana Galizia. Apparentement għal dawn jien magħmul mill-istess pezza tagħha għalkemm ċertament mhux għal dawk li qraw dak li fil-fatt ktibt. Aqraw l-artiklu li ġej miktub minn bniedem li fehem sew dak li ktibt jien. Dan kien involut għal żmien twil fil-kampanji politiċi tal-PN u hu wkoll strateġista. L-opinjoni ta’ dan il-bniedem għandha tinfluwenza lil dawk li mingħalihom li l-problemi matrimonjali ta’ Adrian Delia m’huma affari ta’ ħadd u li, għax deherli li kelli nxandar l-aħbar, jien ħati ta’ “mibgħeda”.
L-aħbar li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jinfired minn ma’ martu hi aħbar ta’ interess pubbliku għaliex dan huwa fatt li jista’ jeffettwa l-ħidma tiegħu bħala l-persuna li jokkupa l-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni kif ukoll bħala l-persuna li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
L-ewwelnett, il-proċess ta’ separazzjoni legali huwa wieħed diffiċli u jista’ jservi biex itelliflu l-konċentrazzjoni minn dmiru lejn il-pajjiż: fi kliem ieħor, dak li ma jħallix lill-gvern jgħaddi romblu minn fuq il-Parlament. Lil Delia wieħed seta’ jammirah hu u jagħmel id-diskors tiegħu nhar it-Tnejn u l-bieraħ hu u jisma’ x’kellu x’jgħid il-Prim Ministru. Imma dan mhux dejjem se jkun il-każ.
It-tieni, dak li għad irid joħroġ mill-proċess legali tas-separazzjoni jista’ jagħmel il-ħsara liż-żewġ karigi li jokkupa, jiġifieri l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u dik ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm nistgħu forsi nittamaw li l-proċess ta’ separazzjoni jkun nieqes mill-ħruxija u mill-battibekki, jista’ jkun ukoll li ma jkunx hekk u dan il-fatt waħdu jista’ jeffettwa ħażin il-karigi li jokkupa. Din mhix sitwazzjoni statika iżda waħda dinamika u waħda li tista’ tinbidel minn ħin għall-ieħor. U wieħed mill-partijiet f’din il-kwistjoni m’huwiex ċittadin privat. Hemm raġunijiet li jagħtu lok biex il-koppja tinfired u jekk dawn ir-raġunijiet joħorġu fil-pubbliku, tista’ ssir ħsara kemm lil dawk il-karigi li jokkupa kif ukoll lill-PN.
Il-membri tal-PN għandhom kull interess li jkunu jafu dwar din is-separazzjoni. Nickie Vella de Fremeaux kienet preżenti waqt il-kampanja ta’ Adrian Delia għat-tmexxija tal-PN u baqgħet tidher sal-lum. It-tnejn għamlu sewwa li lill-uliedhom warrbuhom miċ-ċentru tal-attenzjoni ħlief għal okkażjoni waħda meta kien ħa l-ġurament tal-kariga f’Ottubru li għadda. Iżda Nickie qatt ma żammet lura milli tidher. Dan l-aħħar ikkummentat pubblikament dwar l-aġir ta’ wieħed miż-żewġ kollaboraturi li huma l-aktar qrib ta’ Adrian Delia, jiġifieri Pierre Portelli. Kienet Nickie li dehrilha li kellha titkellem pubblikament. U m’hemm xejn x’iżommha milli tkompli titkellem. Ġlieda fil-beraħ bejn mart il-kap tal-partit u l-kap tal-mezzi tax-xandir tal-PN ħsara biss tista’ tagħmel lill-PN, kif diġà leħqet għamlet.
Fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista għandu ċertu regoli ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu liema regoli ma jeżistux fi ħdan tal-Labour. Ma tistax, fl-ewwel mass meeting li tindirizza, tiddikjara li aħna l-Partit tal-Kattoliċi u tal-Latini u mbagħad tmur tgħid li l-proċess ta’ separazzjoni legali minn ma’ martek, li jista’ jwassal għad-divorzju, hi kwistjoni purament privata. M’hi kwistjoni privata xejn. Lil dawk ta’ madwar Delia kemm il-darba smajnihom igħidu li l-Partit fuq kulħadd. Dan ma jistax ħlief ifisser li l-interessi tal-Partit jiżbqu fl-importanza l-interessi privati u personali ta’ dik il-persuna li jkun qed tmexxih u ta’ dawk ta’ madwaru.
Dan il-proċess ta’ separazzjoni legali ċertament se jservi biex itellef il-konċentrazzjoni ta’ Adrian Delia nnifsu li suppost bħalissa jinsab konċentrat biex ilaħħam il-Mod Ġdid li ġie mwiegħed sena ilu. Barra minn hekk, m’hemmx dubju li dan il-proċess ser jeffettwa wkoll lill-Partit Nazzjonalista nnifsu.
Dawk ta’ madwar Adrian Delia rsistew ħafna biex lill-istituzzjonijiet tal-Partit jimlewhom b’persuni li m’huma xejn ħlief yes-men tal-Kap. Dan rajniħ meta ttieħdet dik id-deċiżjoni stupida wara li l-Maġistrat Bugeja qajjem aktar mistoqsijiet meta wera’ li ma kellux il-ħila jgħidilna min hu sid l-Egrant. Il-fatt li jidher li saret rikonċiljazzjoni ma’ Simon Busuttil hija prova minnha nnifisha li fit-22 ta’ Lulju il-Kunsill Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit servew biss ta’ paraventu. Dawn l-istituzzjonijiet fi ħdan il-Partit imisshom diġà tlaqqgħu biex lill-Kap tal-Partit jistaqsuh kif il-proċess ta’ separazzjoni legali minn ma’ martu se jeffettwa lill-Partit issa li kulma fadal huma seba’ xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej u dawk lokali li fihom il-PN se jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ mistoqsija eżistenzjali. Il-proċess ta’ separazzjoni kif bi ħsiebu jittrattah? Se tkun separazzjoni bonarja? X’inhuma r-raġunijiet li wasslu għas-separazzjoni? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet għandhom jilluminaw lil dawn l-entitajiet dwar in-natura tad-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fiċ-ċirkostanzi.
Madankollu l-fatt li għal dawn iż-żewġ entitajiet bħal donnu m’hu jiġri xejn huwa minnu nnifsu prova li l-PN minn partit politiku b’valuri, livelli ta’ mġieba u li hu indipendenti minn min imexxih, issa sar biċċa għodda f’idejn Adrian Delia.