L-istess kif għamel ħaddieħor, l-editur ta’ The Sunday Times of Malta illum induna. Meta nhar l-Erbgħa xandart l-istorja li Nickie Vella de Fremeaux kienet talbet li tinfired legalment minn ma’ żewġha Adrian Delia, niżlet fuqi xita qalila ta’ tgħajjir.

Kif sostniet illum The Sunday Times of Malta, ma kien hemm ebda dubju li l-istorja kienet waħda ta’ interess pubbliku. Madankollu, b’ċerta pompożità  numru ta’ ‘ġurnalisti’ ma qablux.

Josanne Cassar ħarġet tippriedka li ‘l-problemi matrimonjali m’humiex ta’ interess pubbliku’.

Brian Hansford qal li min hu mingħajr dnub għandu jgara l-ewwel ġebla u wissa’ li jien m’għandix il-kredenzjali li nikteb dwar l-istorja għax jien kont iddivorzjat u rġajt iżżewwiġt.

Josef Caruana, li qabel sar kandidat Laburista kien jiddeskrievi lilu nnifsu bħala ġurnalist mal-General Workers Union, ipparaguna l-istorja ma’ waħda li kienet żgur tikteb Daphne Caruana Galizia — hawn għandu raġun — u allura x-xandir tal-istorja għandu jiġu kundannat minn kulħadd. Hawn m’għandu raġun xejn.

Albert Gauci Cunningham, li kien prominenti fil-filliera ta’ quddiem tal-kampanja Tagħna Lkoll u issa editur tal-ġurnal Illum, qal li din l-istorja kien ilu jaf biha iżda ma kienx xandarha għaliex jikkunsidra lilu nnifsu bħala bniedem diċenti. U għaliex hu bniedem diċenti, ħatar lilu nnifsu bħala l-ġudikant dwar dak li għandu jixxandar u dak li għandu jiġi mistur mill-pubbliku.

Tifhmunix ħażin. Mhux qed ngħid li dawk il-ġurnalisti kollha li ddeċidew li l-istorja ma jxandruhiex qabel xandartha jien huma ġwejjef anki jekk dawn ma xandruhiex għal raġunijiet ta’ partiġġjaniżmu. Bħali, wħud minnhom kienu bejn ħalltejn ixandruhiex jew le u spiċċaw ma xandruhiex għal raġunijiet li jien ma qbiltx magħhom iżda li jien ċertament nirrispetta.

Iżda dawn l-ipokriti li semmejt ġibdu l-ħabel tal-aġenda kemm tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista. U l-qofol ta’ din l-aġenda hu li Adrian Delia għandu jinżamm f’postu u kull min jażżarda jisfida din il-pożizzjoni għandu jissikkett bit-theddid.

Bdejt billi semmejt lil Cassar, Hansford, Caruana u Gauci Cunningham għaliex isejjħu lilhom infushom ġurnalisti. Huma biss ġurnalisti taparsi għaliex fil-fatt huma propagandisti li qed jagħmlu sforz ko-ordinat biex jaqdu l-interessi tal-Partit Laburista. U hu fl-interess tal-Partit Laburista li Adrian Delia jinżamm f’postu.

M’għandniex xi ngħidu, Adrian Delia wkoll għandu appoġġ qawwi fil-partit tiegħu. 

Frank Portelli kien perċimes. Kien hemm ukoll kummenti li jqażżu fil-Facebook li kienu mill-aktar velenużi u vjolenti.

Kien hemm ukoll sensiela ta’ qlajjiet: li jien “attakkajt lil ulied Adrian Delia”, li jien “ħadt pjaċir bid-diżgrazzji ta’ ħaddieħor”, li jien “irrid naqlibha lil Adrian Delia bħala kap tal-partit” u li jien “lil Adrian Delia irrid neħodlu lil martu”.

Dawn l-invenzjonijiet tal-waħx, li kienu l-uniku għajn ta’ informazzjoni għal dawk li ma sabux il-ħin li jaqraw l-artiklu ta’ 180 kelma li jien kont ktibt li fiħ ma kellu xejn minn dan kollu, ħajjar lil ċerti kummentaturi – anonimi u m’humiex – biex jawguraw lili u lil uliedi li ninħakmu minn mard terminali, li nkunu vittmi ta’ inċident fatali jew ta’ ċerta vjolenza.

Kont bi ħsibni nirriproduċi hawn uħud minn dawn il-kummenti mimlijin ħdura iżda wara li erġajt qrajthom, reġa’ bdieli. Hija ħaġa tassew ironika li min jixli lil ħaddieħor bil-ħdura tant ikun mimli sa ruħ ommu biha. Anki fuq din l-istorja kien hemm min waħħal f’Daphne Caruana Galizia għalkemm din issa ilha mejta għal aktar minn sena.

Madwar id-dinja, artiklu bħal tiegħi kien jixxandar f’radda ta’ salib fil-ġurnali ewlwnin għaliex l-istorja kienet waħda imsejsa fuq fatti. Iżda hawn Malta min jażżarda jiddefendi l-kontenut tal-artiklu tiegħi, jispiċċa wkoll jaqlagħha fuq rasu speċjalment dawk li jippruvaw jiddiskutu s-suġġett fuq il-Facebook b’mod ċivilizzat.

Ir-rabja tal-partitarji tal-PN – li hi waħda ġenwina – ġiet immirata għal fuqi. Membri tal-Partit Nazzjonalista investew bil-kbir fil-kap tal-partit. Tellawħ, appoġġjawħ u qiegħdu t-tamiet kollha tagħhom fih. B’sinċerità.

Bħala partitarji lejali qed jimmaġinaw li huma fid-dmir li jimmobilizzaw il-forzi kollha tagħhom kontra dawk kollha li jikkritikawh. U l-kitbiet tiegħi qed jimmaġinaw li huma frott ta’ xi “aġenda” li għalihom tfisser ambizzjoni politika.

Iżda dak li ma jistgħux iniżżlu qed jikkargalhom ir-rabja tagħhom: jiġifieri li l-istorja dwar is-separazzjoni ta’ Adrian Delia x’aktarx se twassal għal konklużjoni li se tkun inevitabbli anki għalihom. 

Aqraw l-artiklu ta’ Saviour Balzan fil-Malta Today tal-lum. Mhux soltu li nirrakkomanda dak li jikteb Saviour Balzan iżda l-analiżi li għamel hi ġusta, korretta u inevitabbli. Adrian Delia se jkollu jitlaq għaliex, fi kliemu, “libes żarbun li ma jiġieħx”.

Dawn huma l-istess kliem li Daphne Caruana Galizia — persuna li Saviour Balzan qatt ma ra għajn m’għajn — kienet użat sena w nofs ilu biex tiddeskrivi lil Adrian Delia meta kien tfaċċa fix-xena u wera’ r-rieda li jmexxi lill-PN.

Il-fatt biss li ser jinfired minn ma’ martu ma jiskwalifikaħx mill-kariga ta’ prim ministru. Kif isostnu bir-raġun kollu s-segwaċi tiegħu, Alfred Sant u Simon Busuttil ma kellhomx żwieġ feliċi. Dan sa ċertu punt japplika wkoll għal Ġorġ Borg Olivier u Dom Mintoff. U Karmenu Mifsud Bonnici iż-żwieġ qatt ma kien daħal għalih.

Iżda kif jispjega Saviour Balzan, f’din l-aħħar sean ħafna kienu dawk li ntebħu għaliex Adrian Delia m’għandux dak kollu li jeħtieġ biex jaspira li jkun prim ministru. Taħt il-qoxra ta’ storja dwar falliment f’żwieġ, teżisti storja oħra ta’ persuna li għażel karriera li ma tgħoddx għalih.

L-istorja li xandret il-Malta Today dwar il-konversazzjonijiet li kellu Herman Schiavone dwar it-tluq mix-xenarju ta’ Adrian Delia mhix korretta għal kollox.

Id-dubji ta’ Herman Schiavone ma bdewx f’dawn il-ġranet. Dan il-fatt jista’ jissorprendi lil bosta peress li Herman Schiavone kien wieħed minn ta’ quddiem fl-appoġġ tiegħu għal Adrian Delia.

Madankollu din il-website se turi li saħansitra f’Marzu li għadda Herman Schiavone kien għamilha ċara u tonda li kien hemm mod wieħed biss li biħ Adrian Delia seta’ jtemm il-kariga tiegħu: permezz ta’ riżenja rapida u dinjituża.

U l-inkwiet tiegħu ma kienx dwar il-ħila ta’ Adrian Delia li jżomm lill-familja tiegħu flimkien. L-inkwiet tiegħu kien dwar il-ħila ta’ Adrian Delia li jżomm il-bogħod mill-vizzju tax-xorb żejjed.

Din l-istorja kollha dwar Adrian Delia ma tittrattax dwar dawk il-ġurnalisti ħodor li jikxfu s-sigrieti iżda dwar dawk in-nies involuti fil-politika li jippruvaw igħattulu xturu. Għal xhur sħaħ, dawk li huma qrib Adrian Delia setgħu jintebħu li l-kariga li qed jokkupa mhix ħobż għal snienu. U minkejja dan, uħud minnhom kulma qegħdin jaraw huwa l-mod kif jistgħu jibqgħu fil-wiċċ billi jużaw lit-trolls bħala għodda biex jintimidaw u jsikktu lill-ġurnalisti.

Minkejja l-fatt li xi ġurnalisti ddeċidew li ma jxandrux dak li kienu diġà jafu dwar iż-żwieġ ta’ Adrian Delia qabel kont sirt naf jien għax dehrilhom li ma kienx lok li jagħmlu dan, oħrajn l-istorja ma xandruhiex għaliex beżgħu mill-konsegwenzi. U qagħdu gallarija jistennew sakemm ixandarha ħaddieħor.

Kulħadd fehem li r-reazzjoni kienet se tkun waħda vjolenti u din kienet ir-raġuni li qagħdu lura. Jien m’jinix xi martri u r-reazzjonijiet li rajt ma’ wiċċi ma kienu pjaċevoli xejn.

Għad jasal stadju li fih ir-riskju ma jibqax raġjonevoli u l-impatt fuq il-familja tiegħi u wliedi jsir ukoll inaċċettabbli. Ikun jum li fih dawk li qed ikesksu lit-trolls fil-Facebook groups igħidulhom x’għandhom jagħmlu biex ibeżżgħu lill-ġurnalisti u jġibuha żewġ.

Il-ħażen mhux qiegħed fil-persuna ta’ Herman Schiavone li forsi rabat ix-xorti politika tiegħu ma’ mexxej ta’ partit li issa beda’ jara’ l-qamar fil-bir. Lanqas qiegħed ma’ oħrajn li bħal Herman Schiavone rabtu xortihom bl-istess mod iżda li r-realtà ta’ quddiem wiċċhom għadhom ma jistgħux iniżżluha.

Il-ħażen jinsab fil-persuna tal-prinċep Laburista tad-dlamijiet li għandu kull interess li jara li Adrian Delia iżomm postu sabiex iċ-ċens tal-PN fl-oppożizzjoni jibqa’ perpetwu.

Stejjer bħal dawn qatt m’għandhom jiġu mistura. Il-verità għandha tingħad. Il-PN għandu jqum fuq tiegħu, iħaddem l-istrutturi demokratiċi tiegħu biex isewwi l-iżbalji u jippreżenta lilu nnifsu bħala alternattiva kredibbli għat-tirannija eġemonika tal-Labour.