Minn Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta
Malta hija gżira f’nofs il-Baħar Mediterran. Il-pożizzjoni strateġika tagħha dejjem kienet apprezzata minn strateġisti tal-gwerer, ekonomisti, forzi għaż-żamma tal-paċi, negozjanti u ħafna oħrajn minħabba li r-rabta bejn l-Ewropa u l-Afrika kienet kruċjali għall-missjoni tagħhom, kienet x’kienet. Din l-istess linja ta’ ħsieb tgħodd għan-natura, u b’mod aktar evidenti għall-passa tal-għasafar. Għal għasafar li jkunu qed ipassu bejn dawn iż-żewġ kontinenti darbtejn fis-sena, il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex huma imprezzabbli biex jieqfu jistrieħu u jerġgħu jieħdu lura saħħithom biex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ migratorju tagħhom. B’xorti ħażina, imma, ħafna minn dawn l-għasafar iħallsu prezz qares għal dan!
Filwaqt li fl-imgħoddi li toqtol għasfur biex tieklu kienet neċessità, il-ħtieġa tal-bniedem li jikkaċċja biex ikollu x’jiekol naqset drastikament maż-żmien hekk kif l-ekonomija tal-pajjiż kibret, speċjalment wara l-gwerra. Il-prattika tal-kaċċa nbidlet f’attività li ġġib miżerja lid-diversi speċi ta’ għasafar li jżuru lil dawn il-gżejjer, u li ħafna drabi jispiċċaw ibbalzmati bħala parti minn kollezzjonijiet fi djar privati. Il-pajjiż kompla jiżviluppa u kellhom jiġu mfassla liġijiet bil-ħsieb li tiġi mħarsa n-natura. Sakemm Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, dawn il-liġijiet komplew jiġu msaħħa bl-iskop li jsiru konformi mad-Direttivi tal-UE dwar in-Natura fosthom dawk tal-Għasafar u l-Ħabitati.
Tul l-aħħar tletin sena, kien osservat titjib sinjifikanti u l-kaċċa illegali bdiet tonqos. L-istatistika u x-xejriet juruna li għalkemm kien hemm mumenti meta reġgħet bdiet tgħolli rasha tul staġuni li jaħbtu qabel elezzjonijiet ġenerali, ix-xejra ġenerali xorta kienet waħda ta’ tnaqqis. Sa minn dejjem kien jinħass li qabel elezzjoni ġenerali l-infurzar jillaxka u dan kien jagħti lok għal żidiet fl-inċidenti ta’ kaċċa illegali. Fil-fatt, tletin sena ilu konna nitkellmu dwar mijiet ta’ għasafar protetti maqtula kull sena, u dan biss mill-konfini tal-Buskett, li huwa santwarju tal-għasafar.
Bit-titjib fil-liġijiet, pieni eħrex u preżenza aktar evidenti fil-kampanja, l-aktar minn NGOs bħal BirdLife Malta u l-Committee Against Bird Slaughter (CABS) li jissorveljaw is-sitwazzjoni tal-kaċċa, jaħdmu mill-qrib mal-pulizija u jiġbru evidenza tal-illegalitajiet, il-kaċċatur illum jaf li jrid joqgħod attent. Imma r-raġuni vera wara t-tnaqqis fl-illegalitajiet hija waħda purament minħabba l-biżgħa li dak li jkun jinqabad, u mhux għax verament qed nifhmu aktar il-prinċipju ewlieni tal-konservazzjoni wara l-fatt li ċerti għasafar jistgħu jiġu kkaċċjati, imma oħrajn le u għandhom jiġu protetti. M’għandi l-ebda intenzjoni li niġġeneralizza għax ninsab ċert li hemm kaċċaturi li jifhmu dan il-kunċett, imma sfortunatament il-maġġoranza xorta jisparaw fuq tajra protetta jekk iħossu li jistgħu jgħadduha lixxa.
Fl-aħħar sitt snin erġajna bdejna naraw żieda fl-illegalitajiet. Sal-ġurnata li fiha qed nikteb, għandna 84 għasfur protett maqtul jew ferut meta mqabbel mat-total tas-sena l-oħra kollha kemm hi, li kien ta’ 82. Is-sena l-oħra kienet l-agħar waħda fl-aħħar ħames snin u issa l-2018 hija saħanistra agħar, għax inkiser ir-rekord tas-sena l-oħra biex l-2018 diġà saret sena rekord f’dawn l-aħħar sitt snin għall-qtil illegali tal-għasafar…u dan meta għadna f’Ottubru, b’aktar minn xahrejn għal tmiem is-sena. Dan mhux xi rekord li għandna nkunu kburin bih u s-sitwazzjoni hi verament waħda ta’ tħassib. U rridu nżommu f’moħħna li dawn in-numri li qed nikkwota huma biss il-ftit vittmi tal-kaċċa illegali li nstabu u ttieħdu għand il-veterinarju li kkonkludiet li l-għasfur verament safa fil-mira ta’ tiri ta’ senter. Hu daqstant ieħor importanti li nżommu f’moħħna li mhux l-għasafar protetti kollha li jispiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali jintlaqtu, u fost dawk li jintlaqtu mhux kollha jsofru feriti li jwaqqfuhom milli jkomplu għaddejjin, bil-possibbiltà li jmutu fuq il-baħar u ma jinstabu qatt. Dawk li jinqatlu mill-ewwel jinġabru kollha mill-kaċċaturi li jkunu sparawlhom u niżżluhom, waqt li dawk li jibqgħu għaddejjin u jmutu xi mkien ieħor fil-kampanja diffiċli li ssibhom ħlief għal ftit, u dawn huma l-84 li qed nirreferi għalihom. Għaldaqstant faċli tifhem li l-qtil illegali tal-għasafar hu ferm aktar mifrux u l-kaċċa illegali hi ferm aktar rampanti.
BirdLife Malta temmen li biex din is-sitwazzjoni titjieb, il-Gvern irid jevalwa mill-ġdid il-liġijiet li jħarsu l-għasafar, l-aktar dawk li nbidlu riċentement, biex ikun żgurat li dawn il-liġijiet jistgħu jiġu infurzati. Hu importanti wkoll li jiddaħħlu miżuri ġodda biex ikunu kkontrollati l-kaċċa fuq il-baħar u l-ibbalzmar, u f’dan l-istadju huwa relevanti wkoll li ssir reviżjoni tad-dati u l-ħinijiet tal-istaġuni miftuħin tal-kaċċa. Dan jippermetti infurzar tal-liġi li jkun aktar effiċjenti, imma min hu responsabbli mill-infurzar – it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-korp tal-pulizija – ukoll trid tiġi ristrutturata mill-qiegħ. Din għandha tinbidel f’Wildlife Crime Unit li tkun responsabbli mhux biss mil-liġijiet tal-kaċċa u l-insib imma wkoll minn kull liġi oħra li tħares in-natura. Din it-taqsima ġdida għandha tiffoka esklussivament fuq ir-reati marbutin man-natura u għandha tkun armata sew b’riżorsi umani mill-pulizija. Hu meħtieġ ukoll taħriġ speċjalizzat u aħna konvinti li jekk jiġri dan kollu, din tkun taqsima kburija bix-xogħol li twettaq għax tagħmel id-differenza kollha fil-mod kif isir l-infurzar tal-liġijiet ambjentali f’pajjiżna.
Finalment, għandna bżonn Gvern u Membri Parlamentari li jkollhom is-sinsla li jitkellmu dwar din il-kwistjoni mingħajr l-ebda biżgħa. Dawn li qed nitkellmu fuqhom hawnhekk huma illegalitajiet u l-ebda lobby jew individwu m’għandu jmur kontra l-qbil ġenerali li s-sitwazzjoni mhix aċċettabbli u għandha tiġi indirizzata. Ħadd mhu qed jitlob li titwaqqaf għalkollox il-kaċċa f’Malta u meta tikkunsidra li hemm 40 speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati tul ħames xhur sħaħ ta’ staġuni tal-kaċċa fil-ħarifa u x-xitwa, il-kumment li llum sar cliché “irridu nsibu bilanċ”, ma tantx jagħmel sens. It-tama tiegħi hi li l-proposti tagħna jittieħdu bis-serjetà mill-Gvern sabiex finalment jibdew jiġu mnaqqsa l-illegalitajiet. Aħna nibqgħu nikkritikaw lill-Gvern f’dan ir-rigward imma xorta nibqgħu disposti li naħdmu miegħu wkoll, kif dejjem għamilna. Il-pariri u s-suġġerimenti tagħna jsiru fl-interess tal-ġid komuni u huma bbażati fuq il-fatti u x-xjenza.