Agħtu daqqa t’għajn lejn l-editorjal ta’ The Malta Independent tal-lum. 

Il-kontenut tiegħu donnu jixbaħ ħafna l-linja ta’ ħsieb li teżisti bħalissa fid-Dar Ċentrali. M’għandniex xi ngħidu, kull ġurnal għandu d-dritt li jagħżel il-linja editorjali tiegħu u din tista’ taqbel jew ma taqbilx mal-fehma ta’ editorjali oħrajn. Madankollu, għalkemm il-ġurnal ilmenta dwar xi rimarki li saru dwar storja li xandar il-Ħadd li għadda, jeħtieġ li jaċċetta li l-linja li jkun għażel hi wkoll soġġetta għall-kritika.

L-argument li nġieb ta’ “Simon kontra Adrian” jekk xejn, juri li l-kbarat tad-Dar Ċentrali għadhom sal-lum fi stat ta’ assedju. Din m’hix xi mentalità li bdiet issa. Bdiet dakinhar stess li Adrian Delia ħa r-riedni tal-PN. Huwa ċar li kemm hu kif ukoll dawk ta’ madwaru qatt ma fehmu li l-interlokutur tagħhom huwa Joseph Muscat u mhux Simon Busuttil u li huwa Muscat li jeħtieġ li jingħeleb. Nies bħal dawn, għaliex qed iħossu li se jfallu fil-mira tagħhom u dan m’humiex lesti li dan jammettuh, qed jaraw kif jagħmlu biex ifittxu xi “rebħa” band’oħra.

Ma nistax nifhem kif ir-rimarki li għamlu fil-Parlament Simon Busuttil u Jason Azzopardi setgħu qatt għamlu l-ħsara lil Adrian Delia. Jason Azzopardi ġie mwissi minn Anġlu Farrugia talli għamel tweet li ġiegħlet lil Chris Cardona jieħu għalih. Fejn jidħol f’dan kollu Adrian Delia? Simon Busuttil wkoll ġie mwissi minn Anġlu Farrugia għaliex uża kliem iebes fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Fejn jidħol f’dan kollu Adrian Delia?

Madankollu hija t-tieni parti tal-editorjal li tikxef il-vavati u l-mentalità infantili ta’ dawk fil-PN li jippretenduha ta’ strateġisti.

The Malta Independent irrapporta b’ċertu għagħa l-fatt li madwar 7 sighat qabel bdiet il-protesta ta’ nhar it-Tlieta, Adrian Delia qiegħed kuruna b’strixxun mwaħħal fuqha bil-kliem “Il-Kap tal-Oppożizzjoni” mas-sit tal-protesta.

L-editorjal lil dan il-ġest ipinġih bħala xi att erojku. “Biex għamel dan il-pass, wera’ li kellu l-kuraġġ”. Għaliex? In-niex ilhom żmien twil iqirgħdu l-fjuri f’dan il-post u ilhom sena jisfidaw lill-gvern u l-bulijiet għal sena sħiħa. X’kien hemm daqshekk “kuraġġjuż” fil-ġest li għamel Adrian Delia din il-ġimgħa? Forsi l-editur fil-fatt ried jgħid li Adrian Delia wera’ ċerta tustaġni?

Wara li jittimbrah bħala “eroj”, l-editur imbagħad igħaddi biex iqisu bħala “vittma”. Kiteb l-editur: “ħafna mis-“segwaċi ta’ Daphne” ma jriduħx hemm. U hemm bosta fosthom li għadhom jirreferu għalih bil-laqam kattiv li kienet laqqmitu l-ġurnalista qabel l-assassinju tagħha”.

Issa jien ma nafx eżatt għal liema laqam qed jirreferi l-editur. Imma dan possibbli m’hux jinduna li għal darb’oħra qiegħed jippreżenta politiku li kien ġie kritikat bħallikieku hu xi vittma u lill-ġurnalista li kkritikatu qed titpinġa bħallikieku kienet l-aggressur?  Skond l-editur, il-laqam li dendlitlu kien wieħed “kattiv”? Mela l-karrozza-bomba x’kienet?

Forsi l-kollega ta’ Daphne stess – niftakru li hi kienet kittieba regolari fil-ġurnal tiegħu – jmissu jaqra dak li kiteb Ranier Fsadni l-bieraħ. Dwar kif, permezz tal-attakki ħorox tiegħu fuq Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia kien ta daqqa t’id lill-qattiela tagħha. Tahom daqqa t’id billi kompla jiżolaha. Billi ta l-barka tiegħu lill-kampanja tal-Labour biex titpinġa bħala “saħħara”. Billi mexxa kontriha numru kbir ta’ trolls segwaċi tiegħu. Billi fil-qorti ppreżenta kontriha numru ta’ libelli vessatorji biex jiżdiedu ma’ dawk li diġà kellha ma’ wiċċha. Billi għamel minn kollox biex jiżloq – permezz ta’ kliem iebes – milli jwieġeb mistoqsijiet pertinenti li kienet għamlitlu. B’dan kollu, Adrian Delia ta s-sehem tiegħu għall-ħolqien ta’ ambjent li wassal għall-qtil tagħha.

Ranier Fsadni fakkarna li l-mexxejja ta’ qabel Adrian Delia, b’mod partikolari Lawrence Gonzi, ta’ sikwit kienu jiġu sfidati mil-Laburisti biex “jikkundannaw” lil Daphne Caruana Galizia meta l- pożizzjonijiet li kienet tieħu kienu tali li kundanna bħal din setgħet tkun ta’ ġid politiku għall-partit. Iżda dawn il-mexxejja, partikolarment Lawrence Gonzi, kienu jifhmu sew il-ħsara demokratika li ssir meta, a spejjeż ta’ ġurnalista, wieħed jipprova jintogħġob mal-udjenza li jkollu quddiemu. 

Iżda Adrian Delia dan ma fehmux u kien moħħu biss fil-mera li kellu quddiemu. Dan baqa’ ma fehmux meta, hu u jinsaq lejn id-Dar Ċentrali wara li kien sema’ bl-assassinju ta’ Daphne, qal pubblikament li kien ħassu ħażin u qabbad lil ħatnu jaralu l-polz. Lanqas ma jidher li fehmu meta f’sena sħiħa, minflok ra kif għamel biex jindem, qagħad jistenna biex mingħalih in-nies ifarfru mir-responsabbiltà u jmut kollox fuq ommu.

Ma nistax neskludi li l-ġest li Adrian Delia għamel nhar it-Tlieta kellu skop ġenwin u ta’ turija ta’ ndiema. Madankollu għandi nifhem li ftit kienu dawk li mpressjonaw ruħħom b’dan il-ġest tiegħu.

Wara li qagħad jistenna għal sena sħiħa bit-tama li, mal-medda taż-żmien, l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili jiżvintaw u b’hekk hu jkun f’pożizzjoni li “jiret” il-folol li dawn kienu kapaċi jiġbru, mid-dehra issa bidel l-istrateġija hekk kif intebaħ li t-tama tiegħu saritlu suf. Wara li ilhom sena jagħmlu pressjoni fuq il-membri parlamentari tal-PN biex iżommu ‘l bogħod mill-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, issa l-istrateġija qed tinbidel.

Il-kbarat tad-Dar Ċentrali ntebħu li l-folla tinsab miexja bi ħġarha fi Triq ir-Repubblika u li llum qabel għada jeħtieġ li jfittxu jimxu quddiemha.

Jien m’għandi ebda għali. U nista’ nserraħ ras l-editur ta’ The Malta Independent li l-attivisti sħabi jinsabu bejn ħalltejn dwar dan kollu. Għal sena sħiħa, ħdimna qatigħ minkejja l-fatt li ġejna injorati – jekk mhux ukoll insultati – mit-tmexxija tal-PN u l-mezzi tax-xandir tiegħu. Dan it-tibdil fl-istrateġija lilna mhux se jagħmlilna l-iċken differenza.

Lill-editur nista’ wkoll inserraħlu rasu li, tul l-attivitajiet li saru nhar it-Tlieta, il-kuruna li tqiegħdet b’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni ma ħalliet ebda effett mal-attivisti. Dak li jidhirlu li għandu jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa affarih: m’aħniex sidien il-mafkar u m’hix biċċa tagħna x’jitqiegħed jew ma jitqiegħedx biswitu.

Iżda, eżatt bħall-predeċessuri ta’ Adrian Delia, m’aħniex lesti li naqgħu fin-nasba li jagħmlulna biex “nikkundannaw”. Wieħed għandu jittama li ħalla lill-kuxjenza tiegħu tmexxih u kuxjenztu hi affari tiegħu u ta’ ħadd aktar. U l-kuxjenza ta’ min neħħa l-istrixxun, wara li aħna konna lħaqna tlaqna għal ħabta tal-10 ta’ bil-lejl, hi affari tiegħu ukoll.

The Malta Independent kitbet li Adrian “Delia għandu triq għat-telgħa fl-attentat tiegħu li jaqla’ lill-partit li qed imexxi mill-ħofra li waqa’ fiha. Iżda tant għandu għedewwa fi ħdan il-partit tiegħu stess li se jkollu bżonn miraklu”.

Naħseb li kien diġà ntebaħ b’dan sa minn sena ilu. Ninsab ċert li ntebaħ li mhux ser ikun possibbli għalih li jkompli jmexxi lill-partit ġaladarba qed ikollu jġorr sehemu tar-responsabbiltà għall-ħolqien ta’ ambjent politiku li wassal għall-qtil ta’ ġurnalista u ġaladarba lill-gvern tah alibi politiku għall-assassinju.

Illum – wara sena sħiħa – Adrian Delia għadu qed jistenna li jsir miraklu: kemm għax m’għandux toroq oħra jew – kuntrarjament għall-pariri ħżiena li tawh ta’ madwaru – għax ħaseb li kollox kien se jintnesa u jiżvinta.

Minflok qagħad jistenna għal sena sħiħa, Adrian Delia kien messu aġixxa. Ma messux baqa’ sieket u newtrali biex b’hekk deher li qabel ma’ dak li kien qed jagħmel il-gvern. U, wara kollox, jeħtieġ li jkollok “kuraġġ” erojku u speċjali biex sempliċement tqiegħed fjuri ma’ mafkar li jinsab ċensurat ripetutament mill-gvern?

The Malta Independent imissha tistaqsi lil Adrian Delia jekk jaħsibx li n-nuqqas tiegħu li “jikkundanna” lill-gvern talli matul il-lejl li għadda warrab il-kuruna li nhar it-Tlieta huwa kien qiegħed mal-mafkar hix il-mod li permezz tiegħu lill-gvern igħidlu li dan huwa eżatt dak li xtaq li jseħħ. Daqs kemm ukoll kien nuqqas kbir minn naħa tiegħu meta naqas li jikkundanna lill-gvern f’kull waħda mit-30 darba li twarrbu l-fjuri u x-xemgħat minn mal-mafkar.

Fejn hu mela dan il-“kuraġġ” kollu li qalu li għandu?