Forsi int wieħed minn dawk li huma tal-fehma li l-kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom persuni pubbliċi m’humiex affari tiegħek ġaladarba dawn ikun qed jagħmlu “biċċa xogħol tajba” huma u jiggvernaw il-pajjiż. U forsi ma jinteressakx li Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja u l-avukat personali ta’ min fl-istess waqt ikun is-suġġett ta’ inkjesta kriminali.

Iżda l-kunflitti tal-interess ċertament jibdew jeffettwawk personalment jekk int toqgħod f’Pembroke jew, jekk ma toqgħodx f’din il-lokalità, jinteressak l-ambjent ġenerali tal-pajjiż, u int injorajt l-istorja li jien xandart f’Lulju li għadda li fiha kxift storja li direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar jinnegozja fl-artijiet u l-bini.

Matthew Pace ilu direttur tal-MEPA kemm ilu li tal-Labour telgħu fil-gvern. Kumpannija tiegħu li taħdem fis-servizzi finanzjarji – li issa nbidlilha isimha biex jinħeba’ r-rekord ta’ multi li twaħħlet minħabba ħasil ta’ flus maħmuġin – ħadet ħsieb ġid ta’ Keith Schembri, ta’ Robert Musumeci u oħrajn tal-klikka “Tagħna Lkoll”.

Kemm ilu jservi fuq il-Bord tal-MEPA, iddeċieda li jiddiversifika u sab mod kif jista’ jimpala aktar flus mill-proċessar tal-permessi tal-iżvilupp tal-awtorità li jservi fuqha bħala direttur.

Il-bidla fl-użu tal-art tal-Fortina Hotel minn lukanda għal uffiċini m’hix ħaġa ħażina minnha nnifisha. Iżda jekk jinbidel l-użu, għandu jinbidel ukoll il-prezz. Oriġinarjament l-art kienet ingħatat għal skopijiet ta’ turiżmu — u hekk kien ġara. U biex jistimula l-attività ekonomika, il-gvern kien raħħas il-prezz tat-trasferiment tal-art li kellha tintuża għat-turiżmu .

Issa ġaladarba l-art se tintuża għal negozju differenti, il-prezz għandu jinbidel ukoll.

Int konvint li s-CEO tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo qed jinnegozja fl-aħjar interess tiegħek ġaladarba rriżulta li huwa sħab mas-sidien u l-iżviluppaturi tal-Fortina u allura jaqla’ l-flus mill-profitti li jagħmlu?

Taħsbux li din kienet xi fula f’qargħa. Meta tintebaħ li l-Hard Rock Hotel u t-torri ta’ 38 sular ta’ maġenbu ser jinbnew fuq art li ġiet trasferita għall-prezz ta’ wieħed biss minn dawk is-sulari, tintebaħ ukoll li hemm min qed igawdi minn dawn il-kunflitti. U li int qed tħallas għal dan kollu.

Għadu jidhirlek li qed jagħmlu “biċċa xogħol tajba”?