Illum Chris Cardona ta intervista lil Saviour Balzan, forsi biex jagħmel tajjeb għall-fatt li kien ħarab mill-mistoqsijiet li għamlulu tal-NBC dwar kemm kien jaf sew l-allegati assassini ta’ ġurnalista. Jew forsi ried jagħmel tajjeb għall-fatt li s’issa baqa’ jaħrab milli jixhed bil-ġurament biex jevita li jiġi mixli fuq ġurament falz.
Chris Cardona qal li ma jiftakarx li kien ra lil Alfred Degiorgio f’festin tal-għarus ta’ qabel iż-żwieġ. Iżda ma jeskludix li Alfred Degiorgio seta’ kien hemm.
Qal ukoll li ma jiftakarx li kien ġie msejjaħ mill-maġistrati li kienu qed imexxu l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U żgur li kien ġie imsejjaħ. Minn Consuelo Scerri Herrera dakinhar tad-delitt filgħaxija.
U ma jiftakarx li kien oġġezzjona għall-kxif tal-mobile phone location data li kien jikkonferma jekk, dak il-lejl f’Jannar li għadda, kienx f’burdell jew inkella kienx rieqed f’lukanda mal-20 mil il-bogħod.
Il-memorja ta’ Chris Cardona qed tilgħablu.
Ejja infakkruh ftit.
8 ta’ Mejju 2017: Chris Cardona joġġezzjona għal talba li ssir biex il-qorti tippriżerva il-phone records. Aqraw hawn ir-rapport li kienet xandret The Malta Independent. F’rikors li kien ippreżenta quddiem il-qorti, l-avukat Pawlu Lia għan-nom ta’ Chris Cardona qal li t-talba għall-priżervazzjoni tal- phone records m’hi xejn ħlief “sajda għall-provi”.
Pawlu Lia kompla jgħid li Chris Cardona huwa intitolat għall-privatezza tiegħu u għalhekk il-phone records tiegħu m’għandhomx jinkixfu. Dan qalu waqt li, fil-kawża li għamel kontra Daphne Caruana Galizia, ċaħad li fil-privat kien fil-kumpannija ta’ prostituti waqt li kien fuq xogħol tal-gvern.
Dan ma kienx biżżejjed.
12 ta’ Mejju 2017: Chris Cardona ikompli jfittex l-iskużi biex il-phone records tiegħu ma jinkixfux quddiem il-qorti. Jgħid li t-talba tal-avukati ta’ Daphne Caruana Galizia hi msejsa fuq liġi li kienet ġiet dikjarata nvalida mill-Qrati Ewropej.
The Malta Independent imbagħad sfidat lil Chris Cardona u staqsietu għaliex kien għamel oġġezzjoni kontra l-priżervazzjoni tal-phone data tiegħu u mal-ġurnal Chris Cardona innifsu jġib ir-raġunijiet għaliex kien qed joġġezzjona.
Lill-ġurnal l-ewwel igħidlu li jippreferi li jgħid quddiem il-qorti dawn ir-raġunijiet x’inhuma u wara jgħid li l-avukat ta’ Daphne Caruana Galizia kien għamel talba msejsa fuq liġi dikjarata nvalida mill-Qorti Ewropea.
Illum il-memorja ta’ Chris Cardona kompliet tilgħablu. Qal li ma kienx oġġezzjona li l-phone records jiġu priżervati. U mbagħad qal li t-talba għall-priżervazzjoni tagħhom kienet ġiet imsejsa fuq liġi nvalida. Iżda kif jaf kulħadd, il-maġistrat dan l-argument kien ċaħdu u kien warrab l-oġġezzjonijiet ta’ Chris Cardona.
Nafu x’ġara’ ftit wara. Daphne Caruana Galizia tinqatel. U hu – għax hekk qabillu – ċeda l-kawża minkejja l-fatt li l-werrieta tagħha ddikjaraw li xtaqu li jkomplu bil-kawża.
U wara dan li seħħ kollu, issa għandu l-wiċċ igħid li qatt ma kien oġġezzjona li tixxandar il-phone location data.1
Sur Chris Cardona id-data, wara kollox hu tiegħek. Ejja narawha mela!
Illum Chris Cardona ddeċieda li jiddefendi lilu nnifsu. U nqabad jigdeb.
Ipprova juża s-sofiżmi kollha meta stqarr li Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat “m’humiex ħbieb tiegħu” u li “ma jmorrux fid-djar ta’ xulxin”. Iżda qal ukoll “li kien l-avukat ta’ wieħed minnhom għal xi żmien”. Sewwa.
Sur Chris Cardona l-pulizija mhux minħabba ħbiberiji jmissha qed tinvestigak. Iżda fuq affarijiet li huma tat-twerwir.