L-avukat tal-PN llum tella’ lil Joseph Muscat fuq il-pedana tax-xhieda biex jixhed bil-ġurament. Kellu jistaqsih żewġ mistoqsijiet ewlenin. L-ewwel: min hu sid l-Egrant? It-tieni: lil Brian Tonna staqsejtu sid Egrant min hu?

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, il-Prim Ministru jafhom u ilu żmien twil jilgħab in-noli u jipprova jiżloq milli jweġibhom. Issa għandu d-dmir li jieqaf jistaħba.

Il-mazz illum kien f’idejn l-avukat tal-PN. Kellu xhud fuq il-pedana tax-xhieda li kellu jixhed bil-ġurament u minn fejn ma setax jistaħba: xena rarissima u opportunità tad-deheb. Madankollu l-avukat tal-PN naqas li jistaqsih dawn il-mistoqsijiet kruċjali.

Dalgħodu Adrian Delia għamel din it-tweet: “Ejjew niskopru l-verità. Ejjew nagħmlu ġustizzja”.

Allura, ngħid jien, il-verità il-għala ma talabhiex?

Dan jien ma nistax nifhmu. Joseph Muscat ilu xhur sħaħ jiżloq u jaħrab minn din il-mistoqsija sempliċi. Ilu kważi sena li waqaf milli jagħmel intervisti mhux kontrollati fuq it-televiżjoni. U kull min jistaqsi mistoqsija bħal din fil-Parlament, jaraw kif jagħmlu biex isikktuh, ihedduh bl-eżilju u jinterrompuh. Hu u jxerred id-dmugħ foloz waqt xi konferenza stampa, kull ma hu kapaċi jagħmel Joseph Muscat hu li jgħid li r-rapport tal-Egrant ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu.

Jekk l-Egrant m’hix tiegħu, allura ta’ min hi? Ġaladarba kien l-accountant tiegħu stess li ħoloqha u ġaladarba dan tant kkawżalu nkwiet bl-azzjoni li kien ħa meta ħoloqha fl-istess ġurnata li ħoloq il-kumpanniji ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, lil Brian Tonna staqsieh sid l-Egrant min hu? U x’kienet it-tweġiba tiegħu?

Bħalissa ma teżisti ebda mistoqsija oħra li kellha tiġi mistoqsija lill-prim ministru li hi aktar importanti minn din.

Il-PN staqsa ħafna mistoqsijiet dalgħodu waqt li kien qed isir l-eżami ta’ Joseph Muscat iżda ma staqsiex din il-mistoqsija bażika. Aqraw ir-rapport imxandar fit-Times of Malta dwar dak li seħħ dalgħodu fil-qorti. L-iktar mistoqsija importanti baqgħet qatt ma saret.

Ħadd m’għandu jlumni jekk nistħajjilni qisni qed insegwi produzzjoni teatrali.

It-tmexxija tal-PN jew hi waħda mill-aktar inkompetenti jew inkella hi agħar minn hekk. Il-PN jikkonsisti fil-biċċa ‘l kbira tal-Oppożizzjoni Parlamentari Maltija.

Għal darb’oħra, llum naqsu bil-kbir milli lil Joseph Muscat iġiegħeluh iwieġeb għal għemilu.