Tad-daħk u fl-istess ħin tal-biki.
Dalgħodu l-Qorti Kostituzzjonali lil Simon Busuttil qaltlu li l-Avukat Ġenerali ma kellux raġun meta stqarr li s-salvagwardji li hemm fil-liġi li jiggarantixxu l-ġustizzja fil-proċessi legali, ma japplikawx għall-appell li għamlu l-Klikka tal-Panama minn deċiżjoni li kienet ħadet l-ewwel qorti li permezz tagħha kienet ġiet ordnata l-investigazzjoni tagħhom. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li Busuttil ma jistax jagħmel talba bħal din għaliex dawn is-salvagwardji jistgħu jintalbu biss minn min hu “vittma”.
Aktar minn sena wara li ħalla l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil jinsab fil-qorti fuq missjoni personali. Għalih il-każ tal-Panama m’huwiex wieħed personali. Il-korruzzjoni hi ħaġa li tweġġagħna lkoll u m’hix reat kriminali bħal kull reat kriminali ieħor. Kulħadd għandu interess li jiġġieled kontra l-korruzzjoni. M’huwiex korrett min igħid li l-korruzzjoni ma tħallix il-vittmi.
Jekk Joseph Muscat jew Keith Schembri jew Konrad Mizzi xxaħħmu mill-Ażerbajġan fuq kuntratti pubbliċi jew fuq ħasil ta’ flus maħmuġin u mbagħad iddepożitaw ix-“xaħam” fil-Panama, aġir bħal dan iħalli l-vittmi. Huwa vittma tal-qerq min igħid li ‘lili ma ħaduli xejn’. Min imexxi l-amministrazzjoni pubblika dejjem ikun jeħtieġ li jiddeċiedi mingħajr biża’ jew favur għax jekk jiddeċiedi mod ieħor nispiċċaw nonfqu aktar u nakkwistaw anqas. U f’dan il-kuntest, aħna lkoll – inkluż jien, int u Simon Busuttil – insiru vittmi tal-korruzzjoni.
Dan kollu ġie injorat illum fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u issa l-każ ser ikollu jiġi trattat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Dritttijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Madankollu, għalkemm id-deċiżjoni ta’ din il-Qorti se tkun waħda ta’ natura akkademika in vista tal-fatt li Antonio Mizzi wasal biex jirtira, il-prinċipju huwa wieħed ta’ importanza.
Jeħtieġ tiġi miġġielda l-idea li biss dik il-persuna li jkollha l-ħila turi li hi vittma tal-korruzzjoni għandha d-dritt li tara li l-ilmenti tagħha u kull appell mill-persuna allegatamant korrotta jiġu trattati minn qorti imparzjali. Jekk dan il-punt ma jiġix trattat minn qorti tad-drittijiet tal-bniedem ogħla, f’ħoġorna se jkollna preċedent ikraħ.
Antonio Mizzi, inqas minn xahar qabel jirtira bl-età, għalissa tħalla ma jirrikużax ruħu mis-smiegħ ta’ dan l-appell. Minkejja l-fatt li kien intalab li jirrikuża ruħu, se jkun f’pożizzjoni li jiddeċiedi skond il-liġi u l-kuxjenza tiegħu.
U fil-frattemp Joseph Muscat u l-klikka tiegħu tal-Panama qed ikomplu jirreżistu s-sentenza tal-ewwel qorti li ordnat li l-provi li nkixfu permezz tal-Panama Papers fl-2016 jiġu nvestigati. Ngħid jien: li kieku huma tassew innoċenti – kif ilhom igħidu – għalfejn appellaw minn din is-sentenza? Iżda l-aktar importanti huwa l-fatt li jeħtieġ li tiġi mħarsa l-ġustizzja meta niġu bżonn protezzjoni mill-abbuż tas-setgħa tal-politiċi. L-imħallfin lesti li jaqbżu għalina meta niġu bżonnhom? Ikunu dejjem lesti li jkunu indipendenti mill-gvern?
Iġġudikaw intom hekk kif taqraw x’kitbet il-MEP Laburista Marlene Mizzi. Tirreferi għall-“Imħallef Mizzi” bħallikieku xi kumbinazzjoni li għandhom l-istess kunjom. L-Imħallef Mizzi jiġi żewġha. U l-fatt li hi martu u li kitbet b’tant disprezz u b’mod tant partiġġjan huma r-raġunijiet mill-iktar bażiċi għaliex żewġha kien messu rrikuża ruħu u l-ordni li tat l-ewwel qorti biex jirrikuża ruħu kien messha ġiet konfermata llum mill-Qorti Kostituzzjonali.
L-Imħallef Mizzi ma jista’ qatt jidher li jkun qed jiddeċiedi b’mod ġust meta għandu lil martu mhux biss li għandha interess politiku qawwi dwar kif se tingħata s-sentenza iżda li wkoll turi s-sodisfazzjon tagħha meta fil-qorti ma tgħaddix ta’ Simon Busuttil.
Tistgħu timmaġinaw x’se tkun ir-reazzjoni tagħha li kieku “l-Imħallef Mizzi” kellu jiddeċiedi dwar il-mertu tal-appell li hemm quddiemu? Se tgħid li “l-Imħallef Mizzi” kellu raġun jekk jiddeċiedi li l-ewwel qorti għamlet sew meta ordnat lill-pulizija biex jinvestigaw lis-“Sur Joseph Muscat”, li m’hu ħadd ħlief il-kap tagħha? U żgur li le! Dan mhux se jkun possibbli.
Il-qorti llum qalet li ma kinitx konvinta li Simon Busuttil huwa “vittma” tal-allegata korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u għalhekk ma jistax jinsisti li min se jiddeċiedi dwar ordni biex jiġi investigat Joseph Muscat m’għandu ebda interess kif se tingħata s-sentenza.
Din is-sentenza għamlitna lkoll vittmi.
Il-politiċi llum jafu li kulma għandhom jagħmlu biex igħadduha lixxa fuq akkużi ta’ korruzzjoni hu li jaħtru lil żwieġhom bħala uffiċjali għolja tal-pulizija jew bħala mħallfin.
U jien u int m’għandniex dritt li nilmentaw dwar dan.