F’dawn l-aħħar ġranet kelli għalxiex nirrifletti xi ftit dwar is-solidarjetà professjonali ta’ bejn il-ġurnalisti, jew inkella dwar in-nuqqas tagħha. Ma kontx qed nirrifletti dwar is-solidarjetà li tista’ ssir miegħi. F’dan ix-xogħol jien għadni pjuttost ġdid u, kif jista’ jikkonferma kull professjonist li jaħdem f’xi professjoni, jkunu jridu jgħaddu snin twal ta’ xogħol iebes impenjattiv biex wieħed forsi ikun jista’ jgħid li akkwista r-rispett ta’ sħabu. Min ikun għadu prinċipjant ma jistax jippretendi li jiggwadanja r-rispett b’mod awtomatiku. L-affarijiet ma jimxux b’dan il-mod.

Madankollu, peress li jien ma twilidx il-bieraħ, kapaċi nintebaħ kif ta’ sikwit min “jaqla’ l-inkwiet” jingħata l-ġenb u kif ċerti ġurnalisti jsibuha aktar faċli li jiġbdu l-ħabel tas-setgħana u tal-korrotti milli li jżommu mal-kollegi tagħhom li, huma u jikxfu l-għawwar tas-setgħana, jidħlu f’ħafna riskji.

Aktar tard qrajt dan l-artiklu li xxandar fil-ħarġa ta’ dan ix-xahar tal-blog Taljan dwar il-libertà tal-istampa Liberainformazione dwar dawk il-ġurnalisti Taljani li talbu li jiġu identifikati l-assassini ta’ kollega tagħhom minn Malta. Huma kkwotaw lilha stess: “Ħadd mill-kollegi tiegħi ma qabeż għalija. X’tiswa’ l-libertà tal-informazzjoni jekk int ma titħalliex tgħid li dawk li jiggvernawk huma korrotti? Nobgħod l-inġustizzja. Jirnexxielhom isikktuni biss jekk joqtluni.”

Is-solidarjetà ta’ spiss infixkluha mal-grazzja. Jien u niġġieled favur il-libertà tal-kelma ta’ ġurnalist, m’għandix għalfejn bilfors naqbel max-xogħol li dan jkun qed iwettaq. Din hi r-raġuni li qbilt ma’ dak li kiteb il-bieraħ Benjamin Dalli f’The Shift News meta espriema l-appoġġ tiegħu għall-argumenti li nġiebu minn min jipproduċi l-programm Xarabank dwar l-intervista li riedu jxandru maż-żgħażugħ li jinsab mixli b’attentat ta’ qtil ta’ uffiċjal tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Bħal Benjamin Dalli, l-programm Xarabank jien ma nsegwieħx. Kemm ilu jixxandar qatt ma ssaportejt li nsegwiħ għal aktar minn ftit minuti speċjalment f’dawk l-okkażjonijiet rari meta l-folla preżenti fl-istudio kienet tiġi msikkta. Xi drabi kont niġi mistieden – bħala mexxej tal-istudenti, bħala kelliem għall-gvern jew bħala opinjonist – biex nieħu sehem f’xi diskussjoni fil-programm: fl-istudio l-atmosfera kienet tfakkarni f’dak li naqraw li kien jiġri fi żmien ir-Rumani meta folla f’dagħdiha kienet issus lill-iljuni biex jieklu ħajjin lill-ilsiera Nsara.

Għandi ngħid li x-xandir ta’ intervista ma’ Liam Debono, fiha nnifisha ma kinitx se sservini ta’ inċentiv biex insegwi l-programm. Fil-fehma tiegħi, min ħareġ bl-idea tal-intervista għandu gosti pjuttost strambi u wera’ nuqqas ta’ rispett lejn il-vittma li diġà sofra biżżejjed minħabba l-aġir ta’ minn allegatament ipprova joqtlu. Jien għalhekk ftit nara’ valur ġurnalistiku f’intervista bħal din f’programm li jien rari nsegwi.

Iżda, kif qalu ta’ The Shift News, jidhrili li l-ordni li tat il-Qorti biex ix-xandir tal-intervista titwaqqaf m’hi xejn ħlief ksur tal-libertà tal-kelma u ta’ Xarabank għandhom raġun li jfittxu rimedju ulterjuri fil-qorti. M’hemm ebda liġi f’Malta li tgħid li programm b’gosti strambi jew programm li joffendi s-sentiment ta’ xi ħadd – jew ta’ x’uħud – ma jistax jixxandar fuq it-telviżjoni. Il-liġijiet tagħna, msejsa kif inhuma fuq prinċipji demokratiċi liberali tal-punent, huma mfassla b’tali mod li jħallu f’idejn it-telespettatur adult x’għandu jara u jekk dak li jixxandar ma jintgħoġobx, it-telespettatur adult ikollu l-libertà kollha li lil ta’ Xarabank jgħidilhom li marru lil hinn mil-limiti tad-diċenza, dejjem jekk dan ikun il-każ.

Il-kawża li nġiebet quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud ma kinitx dwar gosti strambi. Kienet dwar il-biża’ li l-kors tal-ġustizzja jista’ jiġi mniġġeż. Safejn nista’ nifhem, il-Maġistrat ma rax l-intervista qabel iddeċieda li jordna li din ma tixxandarx u dan minkejja l-argumenti l-nġiebu minn Xarabank li ordni bħal ma setgħet qatt tniġġeż il-kors tal-ġustizzja. Tista’ ma taqbilx ma’ argument bħal dan. Iżda kien ikun ħafna agħar li kieku, qabel iddeċieda li joħroġ l-ordni, l-Maġistrat segwa l-intervista u hemmhekk analizza aħniex adulti biżżejjed biex insegwuha jew le. Li kieku għamel dan, kien ikun qed jagħmilha ta’ ċensur.

L-Avukat Ġenerali ħareġ bl-iskuża tas-soltu: l-argument tas-‘sub judice’ li hi l-iskuża li jġib dak li ma jkunx irid li l-problemi tal-ħajja jiġu diskussi fil-beraħ dan kollu għaliex tkun suġġett ta’ kawża li tkun għaddejja fil-qorti. Is-soċjetà tagħna hi waħda demokratika. Jekk is-sistema tal-ġurijiet m’għandekx grazzja magħha minħabba l-fatt li f’Malta żgħira u kulħadd jaf lil kulħadd, tkun trid tara kif se ttejjeb il-prinċipju tas-Seklu 13 tal-Magna Carta li jiffavorixxi l-proċessi mmexxija minn sħabek.

Ma tistax ixxekkel il-libertà tal-kelma int u tipprova tanalizza f’hiex jikkonsisti l-interess pubbliku. Id-demokrazija tiddghajjef jekk xi ħadd jingħata s-setgħa jiddeċiedi x’għandu jew x’m’għandux jixxandar.