Kien hemm żmien li fih il-Punent lil Robert Mugabe kien jarah ħelu. Il-Punent kien jirrispetta l-ġlieda li kien qed jagħmel favur gvern magħżul mill-maġġoranza fir-Rodeżja għaliex din kienet waħda ġusta. U għall-bidu, l-gvern li kien imexxi kien wieħed għaqli. U fl-istampa internazzjonali ħa l-fama ta’ President Afrikan Tajjeb.
Mal-medda taż-żmien, fil-pajjiż nibtet il-korruzzjoni, it-tirannija, ir-regħba u l-vjolenza u d-dinja bdiet tħares lejh minn lenti differenti. U Robert Mugabe beda’ jwaħħal fl-istampa internazzjonali u qal li kienet qed tkun inġusta hi u sservi l-interessi tan-“neo-kolonjalisti” li riedu jeħilsu minnu.
Il-gvern Laburista – gvern li qala’ tifħir li ma kienx ħaqqu fiż-żmien li Malta kellha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea – qed jintebaħ li l-istampa internazzjonali issa xammitu sew. Glenn Bedingfield ipprova jagħmilha tal-buli ma’ John Sweeney. U issa Tony Zarb beda’ kampanja bil-Facebook biex lill-istampa dinjija jgħidilha li m’humiex qed ikunu “ġusti ma’ Malta”. Dan qisu qed jikkopja dak li kien jagħmel Mugabe meta l-kritika kontra l-korruzzjoni u l-vjolenza f’Malta iqabbilha ma’ xi forma ta’ attakk “neo-kolonjalista” minn barra.
Il-bieraħ kont ma’ Richard Engel, il-korrispondent prinċipali tal-NBC. Iltqajna barra l-Parlament peress li xtaq jintervistani. Iżda meta lemaħ lil Chris Cardona għaddej minn ħdejna, mar fuq il-Ministru u staqsieh xi mistoqsijiet importanti. Staqsieh x’kienet din li jiltaqa’ ma’ assassini li l-pulizija qed takkużahom bi qtil ta’ ġurnalista. Chris Cardona ma weġibx u baqa’ għaddej.
Qed tara Tony Zarb. Ħaġa bħal din issewwed id-dehra ta’ Malta: il-fatt li l-gvern tagħna m’għandux tweġiba x’jagħti għall-fatt li Ministru jiekol il-kirxa ma’ allegat assassin ta’ ġurnalista li kienet ikkritikatu.
Issa Ton, mur mexxi l-kampanja fuq il-Facebook u għidilhom li mhux qed ikunu ġusti u mbagħad stenna biex tara intix se timpressjonahom. Jew inkella għamel xi ħaġa ta’ ġid għall-pajjiżek u ngħaqad magħna aħna u ninsistu ma’ Chris Cardona biex jitlaq mill-Ministeru tiegħu u jibda’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet serji. U mbagħad l-istampa internazzjonali tintebaħ li, wara kollox, il-ġustizzja qed issaltan f’Malta.