Tul din l-aħħar sena ħabbilt rasi kemm niflaħ dwar dak li se nikteb u qgħadt lura milli nlissen kelma. Il-bieraħ segwejt fuq it-televiżjoni d-diskors tal-prim ministru mill-Parlament u min kien preżenti tarrafli xi aħbarijiet dwar ix-xenati li kien hemm fil-Kamra hekk kif intfew il-kameras.

U llum rajt lil Chris Cardona u sħabu f’dagħdiha huma u jagħmlu minn kollox biex itellfu lil Simon Busuttil waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament.

Rajthom jagħmlu użu mit-teknika klassika tat-tirann repubblikan: jaqilbu ta’ taħt l-iskop ta’ liġi permezz tal-użu ħażin tagħha. Kien hemm deputat parlamentari li ripetutament semma’ klawsola wara oħra tal-iStanding Orders bħallikieku dawn qegħdin hemm biex jiprojbixxu d-diskorsi fil-Parlament. L-isbaħ waħda kienet meta sabu regola li tgħid li ebda membru parlamentari ma jista’ jattribwixxi intenzjoni malizzjuża fuq membru ieħor. U mbagħad Glen Bedingfield, hu u jiskuża ruħu talli fajjar dagħwa faħxija, lil Simon Busuttil għajjru giddieb ripetutmanent. U ħadd ma lmenta li dan kien qed jattribwixxi intenzjoni malizzjuża fuq membru parlamentari ieħor.

Rajt ukoll lil Chris Cardona, indannat bir-rabja kbira li kellu fuqu. Stajt ukoll inħoss l-assenza intimidatorja ta’ Joseph Muscat li l-bieraħ tilef il-kontroll fuqu l-emozzjonijiet tiegħu u dalgħodu kellem lill-istampa maħkum minn rabja li, iżda, rnexxielu jgħattieha b’kalma finta.

Stajt ukoll nara lil Glen Bedingfield jipprova jiġġustifika bil-kelma “jitlifni” l-fatt li nfexx jidgħi.

U mbagħad ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà. Lis-segwaċi tagħhom qed jippruvaw iġiegħluhom jaħsbu li huwa kollu ġustifikat id-diskors li jgħidu meta xi ħadd iqabbiżielhom. Li t-tpattija hi skużabbli. Li Simon Busuttil qed jipprovoka u li jagħmlu sew li jattakkawh b’mod selvaġġ.  

Dan l-aħħar rajt ukoll tweet ta’ troll li stqarr li jekk nies bħali jibqgħu jippersistu li jgħidu dak li jkunu jridu jgħidu, allura mbagħad ikollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi.

Dalgħodu Joseph Muscat lil Daphne Caruana Galizia sejjħilha bħala persuna “kontroversjali” b’ċertu ton li ġieli uża biex jiġġustifika l-qtil tagħha.

Meta ‘l bieraħ u llum rajthom jiġġustifikaw il-fatt li qabżitilhom fir-reazzjoni tagħhom għal dak li kien qed igħid Simon Busuttil, reġa’ ġieni l-ħsieb li dejjem sibt tant diffikultà li nammettih.

Jiġifieri li bil-quddiem dawn qegħdin jiġġustifikaw il-vjolenza li tista’ ssir fuq il-persuna ta’ Simon Busuttil. Dak li ilni naħseb dwaru issa qiegħed ngħidu ċar u tond: ninsab inkwetat dwar is-sigurtà tiegħu u tal-familja tiegħu minħabba l-mibgħeda li qed titkebbes apposta kontra tiegħu.

Is-sitwazzjoni tiegħu ma tistax ma tipparagunahiex ma’ dik ta’ Daphne Caruana Galizia sena ilu. Lil Daphne kienu iżolawha u issa qed jippruvaw jiżolaw lilu.

U għandhom kull interess li jeliminawh daqs kemm kellhom interess fl-eliminazzjoni tagħha. It-tnejn kienu koerenti dwar il-korruzzjoni li qiegħda tifni lill-pajjiż u għall-korrotti nies bħal Daphne u bħal Simon huma xkiel u jeħtieġ jiġu mġiegħla jisktu.

U allura jippruvaw jintimidaw, jużaw il-vjolenza morali, ixewxu lit-trolls u jippruvaw jifirdu lil min jikkritikahom u lil dawk li jkunu lesti li jaqblu magħhom għax iċedu għall-initmidazzjoni u t-tixħim.

Jekk ma jirnexxilhomx, jippruvaw jiġġustifikaw il-qerda vjolenti ta’ dawk li jikkritikawhom.  Lil Daphne Caruana Galizia pinġewha bħala x-xitan – konna wasalna sal-punt li fost dawk li kienu ferħu meta nqatlet kien hemm min la qatt iltaqa’ magħha u lanqas qatt qara’ dak li kienet tikteb.

Dak li qed jagħmlu issa lil Simon Busuttil kienu diġà għamluh lil Daphne.

Xi kultant ikun hemm ġurnalisti li jistaqsini jekk inix nibża’ għall-ħajjti. Nistqarr li m’għandi ebda biża’. Jien m’inix theddida bħalma kienet Daphne għal dan il-gvern.

Iżda Simon Busuttil hu theddida għalihom.