Ma skantawni xejn ir-reazzjonijiet li kien hemm għall-istorja li xandart dalgħodu dwar it-talba li għamlet Nickie Vella de Fremeaux biex tinfired legalment minn ma’ żewġha Adrian Delia. Dawn ir-reazzjonijiet stennejthom u ma kienet esperjenza pjaċevoli xejn.
Hemm min ġenwinament ma qabilx mad-deċiżjoni li ħadt u r-raġunijiet li nġiebu wieħed jista’ jifhimhom. Din id-deċiżjoni kif se teffettwa lill-persuni involuti, speċjalment lit-tfal? Min jaħseb li dawn il-konsiderazzjonijiet jien ma tajthomx il-piż li jistħoqqilhom qed jissottovaluta s-sentiment uman li għandi. Kunu afu li t-tfal ma ntebħux bis-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom minn din il-blog. Dan lanqas ma kien il-każ fejn jidħlu l-ġenituri tal-koppja. Nippretendi li kienu huma stess li ħejjew lit-tfal għal din is-sitwazzjoni u din kienet ir-raġuni għaliex huma kienu jafu bil-quddiem li l-istorja kienet se tixxandar u t-tnejn li huma kienu qed jistennewha.
Hemm ukoll dawk li huma anqas ġenwini fir-rabja tagħhom għall-fatt li ħadt din id-deċiżjoni. L-aħbar m’hi aħbar sabiħa xejn, iżda m’hemmx dubju li hi aħbar. X’inħossu mill-lat emozzjonali m’huwiex rilevanti. Qabel ixandar aħbar, wieħed ma joqgħodx jara din hix aħbar sabiħa jew le. Dawk li huma rrabjati għandhom jistaqsu lilhom infushom jekk f’kwalsiasi pajjiż demokratiku madwar id-dinja, storja bħal din kinitx tiġi mxandra. Nistaqsi: The Guardian, The New York Times jew Le Monde ma jmisshomx ixandru l-aħbar li kienet saret talba bil-miktub għas-separazzjoni legali mill-avukat ta’ mart kandidat għat-tmexxija tal-gvern wara li t-tnejn kienu għamlu kampanja elettorali flimkien? Ikunu qed jonqsu dawn il-ġurnali li kieku kellhom jibqgħu lura.
Madankollu m’hemmx dubju li ċerti ġurnali – magħrufa bħala t-tabloids – ħalli għalihom biex jidħlu f’ċertu dettall u jispekulaw dwar dawn il-problemi matrimonjali. Jien m’għamilt xejn minn dan kollu u mhux bi ħsiebi nagħmel xejn minn dan. Iżda qatt xi ħadd għaddielu minn rasu li aħbarijiet dwar l-proċeduri tad-divorzju li għaddew minnu – biex insemmu biss ftit – Nicolas Sarkozy, Gerhard Schroeder, Nelson Mandela, Silvio Berlusconi, Alvaro Colom, Vladimir Putin, Hugo Chavez, Alberto Fujimori, Andreas Papandreou u Frederick Chiluba ma kellhomx jixxandru? Dwar dawn is-separazzjonijiet konna smajna mill-aħbarijiet. Dan dejjem jiġri meta l-persuni konċernati jkollhom karigi għoljin. Ir-regolamenti mhux jien niktibhom. Hawn m’jinix qed ngħaddi xi ġudizzju morali dwar dan in-nies jew dwar Adrian Delia. Wara kollox, jien stess miżżewweġ darbtejn.
Iżda hi kwistjoni ta’ interess pubbliku jew le meta ż-żwieġ ta’ mexxej ikun għaddej mill-inkwiet? Jien bgħid li iva. L-ipokriti li jaħsbu li qed jagħmlu xi pjaċir lil xi ħadd meta jwaħħlu fija għall-problemi matrimonjali ta’ ħaddieħor, lili ma jinteressawnix. Dawn m’humiex nies sinċieri iżda nies opportunisti li dejjem jaraw kif se jisfruttaw sitwazzjoni. Ġaladarba jien żgur m’għandix il-ħila li nipperswadihom fuq xejn, forsi jista’ jipperswadihom dan l-artiklu miktub minn Christian Peregin li bħali u bħal edituri oħra, ħasibha aktar minn darba f’dawn l-aħħar ġranet dwar jekk l-istorja kellhiex tixxandar u fejn hu ddeċieda li ma jxandarhiex.
F’din jien u hu għamilna għażla differenti iżda qbilna dwar il-kriterji li fuqhom għandha tiġi msejsa deċiżjoni bħal din.