Aktar tard ipprova jbenġilha, iżda kien leħaq lissinha. Lil Simon Busuttil, Joseph Muscat qallu li m’għandux jitħalla jersaq lejn Malta. Ma kienx kumment li ntqal fir-rabja tal-mument. Din jidher li hi ħaġa li l-prim ministru jrid iqiegħda fuq l-aġenda.

Ta’ sikwit niltaqa’ ma persuni li għandhom il-kultura, l-mezzi u l-kuraġġ li jaħsbuha sewwa għandhomx jitilqu minn Malta sforz is-sitwazzjoni tal-ġenn li hawn fil-pajjiż. Dan ma jfissirx li ma baqgħux iħobbu lil pajjiżhom. Iżda dawn in-nies huma konxji tal-fatt li f’din id-dinja darba biss tgħix u mhux vallapena li toqgħod tifni l-ħajja tiegħek u ta’ wliedek bl-inkwiet. Jiġi żmien meta tibda’ taħseb biex lil Malta jkun aħjar jekk tipprova tgawdiha tul perijodi li tant ikunu qosra li forsi ma tibqax titħasseb u tħabbel rasek dwar il-korruzzjoni tal-politiċi u dwar il-ħallelin li jinsabu fit-tmun tal-pajjiż.

L-ewwel persuni li jlebbtu ‘l barra jkunu dawk li telqu minn pajjiż ieħor u ġew joqgħodu hawn għax għall-bidu kienu jqisu lil Malta bħala ġenna tal-art sakemm ġew wiċċ imb’wiċ mar-realtà qarsa.

Dawn ikunu persuni li wkoll jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ trattament speċjali li jnaffarhom mill-ewwel: ‘jekk ma jogħġobkomx, morru lura minn fejn ġejtu’. Ebda persuna li tkun telqet minn pajjiżha ma tkun trid tibqa’ tgħix f’pajjiż li fih jkollha tiffaċċja tgħajjir u nsulti ksenofobiċi.

Fost dawk li ilhom jgħixu Malta sa minn twelidhom, issib lil min ikun lest li jmur jgħix f’pajjiż ieħor. Iżda li titlaq minn jeddek, mod. Li titqalfat ‘il barra, mod ieħor.

Mit-ton ta’ diskorsu u mis-sinjali li qed igħaddi lit-trolls u lis-segwaċi tiegħu, l-gvern donnu jidher li jrid isikket lil min ma jaqbilx miegħu. Fil-pajjiż, teżisti maġġoranza ta’ nies li b’entużjażmu tiffavorixxi l-idea tal-kult tal-mexxej b’saħħtu. Barra minn hekk, hemm ukoll numru mdaqqas ta’ nies li jiġu jaqgħu u jqumu mill-korruzzjoni u, sakemm il-flus jibqgħu jinstemgħu iġenġlu fil-bwiet, lill-gvern iħalluh iħawwad bi kwietu. Hemm imbagħad numru ieħor imdaqqas ta’ persuni li l-fehma tagħhom iżommuha għalihom għax forsi hekk jaqbel, għax jibżgħu mill-konsegwenzi jew għax jiddependu mill-gvern biex jaqilgħu xi grazzja.

Il-gvern jaf li ma’ nies bħal dawn jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ma joqgħod iħabbel rasu.

Iżda mbagħad hemm ukoll dawk il-ftit imqarbin li mhux lesti joqgħodu għal min jipprova jagħmlilhom sarima ma’ ħalqhom u li Joseph Muscat qed jara kif jagħmel biex isikkithom. Lir-realtà Maltija, Joseph Muscat jifhimha sewwa. Bħala regola, l-Maltin huma dejjem interessati li jsiru jafu l-bqija tad-dinja kif tarana. Iżda, għax mingħalihom li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-univers, jidhrilhom ukoll li għandhom jirribattu kull opinjoni li ma tinkwadrax f’din il-mentalità.

U skont mentalità bħal din, jekk ma togħġbokx xi ħaġa dwar Malta, sinjal li int għandek xi nuqqas jew difett u għalhekk għandek tmur lura dritt minn fejn kont ġejt.

Il-gvern m’huwiex iżomm lura milli jpinġi lill-kritiċi tiegħu bħala persuni li huma qaqoċċa u konfoffa ma’ dawn il-“barranin” li bħal speċi jmisshom jammettu li għandhom għira kbira għalina għall-fatt li aħna għandna lil xi ħadd bħal Joseph.

U l-konklużjoni li tinġibed hawn hi minn ewl id-dinja: dawk il-Maltin li huma ħbieb ma’ dawk il-barranin li jikkritikawna jmisshom ukoll ilebbtu ‘l barra mill-pajjiż.

Kien hemm żmien meta t-tiranni kienu jiddilettaw ikeċċu lin-nies mill-pajjiż bħala kastig. M’għandniex xi ngħidu, llum wieħed iqis miżura bħal din bħala waħda li m’hix ċivilizzata. Il-kriminali wkoll huma ċittadini u ċ-ċittadinanza nnifisha ma tistax tiċċaħħad lil min ikun twieled biha.

Din il-kwalità ta’ pressjoni tinsab lil hinn mill-parametri stretti tal-liġi. Teżisti pressjoni morali u psikoloġika li twaħħad il-biża’ mal-mistħija. U din il-pressjoni ssir biex tipprova tiżola u teqred lil min jażżarda jipprotesta.

Aqtagħha. Imissek tistħi. Għax ma tmurx taqbeż minn x’imkien? Ipokrita! Għaliex titkellem kontra Malta? Ma jixraqlekx tissejjaħ Malti. Il-gvern imissu jaqflek il-ħabs. Min jipprovoka għandu jlesti ruħu għal reazzjoni. Ħlisna minn waħda: jaqaw trid tispiċċa bħalha?

Diskors bħal dan m’huwiex biss wieħed ta’ min jistmerru. Huwa wkoll diskors ta’ xi ħadd li qed jaqta’ s-sentenza. Din hija r-realtà li qed jiffaċċjaw nies bħali.

Ma teżisti ebda liġi li tista’ ċċaħħdek mid-dritt li tgħix seren f’pajjiżek stess. Iżda għal uħud minna, is-serenità nistgħu ngawduha biss jekk inħallsu prezz bil-kompliċità, bl-ipokresija, bil-lealtà perversa, bl-ubbidjenza u bil-biża – prezz li bla dubju huwa eżorbitanti. Jagħtuna għażla falza: jew tbaxxi rasek għall-kult jew inkella jkollok titlaq għall-kollox mill-pajjiż. Żewġ għażliet li fil-fatt ikunu jfissru rebħa għal gvern li ma jittollerax lil kull min ma jaqbilx miegħu.

Il-bieraħ stajna naraw lil Joseph Muscat b’wiċċ ta’ bniedem indannat li, hu u jobżoq il-mibgħeda minn fommu, qabżitlu sew. U fajjarha fi ftit kliem: kull min jikkritikah għandu jitlaq mill-pajjiż.