Dan l-artiklu fuq The Atlantic ixxandar il-bieraħ. Dan jittratta dwar ix-xogħol ta’ The Daphne Project u s-sitwazzjoni unika li fiha ġurnalisti minn madwar id-dinja ngħaqdu biex ikomplu x-xogħol ta’ ġurnalista li nqatlet waqt il-qadi ta’ dmirijietha.
Din ir-rubrika partikolari fiha ħaġa rari ħafna: risposta – jew taparsi risposta – tal-gvern għal mistoqsijiet ta’ ġurnalist. Fil-fatt hi taparsi risposta ta’ Kurt Farrugia li fiha jirrepeti d-diska mġenġla dwar “l-impenn” li għandu l-imgħallem tiegħu “li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-kelma, il-ħarsien tal-ġurnalisti u s-saltna tad-dritt”.
Dawn jitkellmu bħallikieku l-bqija tad-dinja m’għandhiex l-għajnejn biex tosserva dak li tabilħaqq qed iseħħ hawn Malta.
Fl-anniversarju tal-qtil ta’ ommu, Matthew Caruana Galizia għamel tweet li permezz tagħha stqarr hekk: “ommi ġiet assassinata għax kienet tikteb dwar il-korruzzjoni f’Malta. Dawk li qatluha għadhom jiġru barra. Jinsabu fil-Parlament u jittajru f’ajruplani privati. Dik hi l-istorja kollha.”
Tabilħaqq fi ftit kliem, dik hi l-istorja kollha.