Sa dalgħodu is-Satabank, jew il-“persuna kompetenti” maħtura biex tmexxih mir-regolatur Ernst & Young, għadu ma kkomunikax mal-klijenti tiegħu biex jinfurmahom x’inhu jiġri dwar flushom.

Din is-sitwazzjoni qed tikkawża inkwiet kbir lill-klijenti li qed jiċċaħdu minn flushom kemm ilha l-MFSA ħarġet ordni biex il-kontijiet kollha miżmuma fil-bank jiġu ffriżati.

Din il-website rat korrispondenza li ntbagħtet dalgħodu minn ditta intermedjarja Maltija li fiha ngħatat apoloġija lill-klijenti barranin minħabba l-fatt li “aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni fis-Satabank ma twasslux fil-pront”.

“Ir-raġuni prinċipali li sal-lum bqajna ma kellimna lil ħadd hi li għadna ma rċevejna ebda komunika formali mis-Satabank jew mingħand Ernst & Young. Meta ħarġet l-aħbar, ċempilna biex nippruvaw nakkwistaw kjarifika mill-bank jew mingħad il-persuna kompetenti, liema kjarifika mbagħad stajna ngħadduha lill-klijenti, iżda kien kollu għalxejn”.

Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni l-gvern jidher li qed jissottovalutaha bil-kbir tant li m’huwiex jieħu dawk il-miżuri urġenti li huma meħtieġa biex il-fiduċja terġa’ tinkiseb. U f’kriżi bħal din, in-nuqqasijiet tal-gvern qed jirriflettu fuq ir-regolaturi u fuq l-intermedjarji li, f’għajnejn il-klijenti barranin ta’ din l-industrija tant importanti għalina, m’humiex jirsistu biex isewwu s-sitwazzjoni.

Jekk ma jittiħdux miżuri fil-pront, se jiżdiedu t-tħassib u d-dubji mhux biss dwar il-ħila li għandha Malta li ssib tarf kriżi bħal din iżda wkoll it-tħassib u d-dubji dwar jekk Malta għandhiex il-ħila li sitwazzjoni bħal din ma tħallihiex isseħħ. U t-tħassib tal-klijenti tas-Satabank jista’ jinfirex f’ħakka t’għajn mal- klijenti ta’ dawk il-kumpanniji Maltin li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji.

Għadu kmieni wisq biex wieħed joqgħod janalizza l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi. Iżda huwa ċar li jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti sabiex il-fiduċja terġa’ tinbena’ u b’hekk jisserrħu l-imħuħ tal-industrija tas-servizzi finanzjarji u tal-klijenti li l-mexxejja politiċi, r-regolatur u l-intermedjarji għandhom il-ħiliet kollha meħtieġa biex jiffunzjonaw anki waqt kriżi.

Edward Scicluna, il-mazz jinsab f’idejk.