Din il-website tinsab infurmata li Nickie Vella de Fremeaux, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, talbet lil żewġha biex tinfired legalment minnu.
Din it-talba saret il-ġimgħa li għaddiet f’ittra formali li ntbagħtet lil Adrian Delia fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà. L-ittra hija iffirmata mill-avukat ta’ Nickie Vella de Fremeaux. Issa ilha għaddejja għal xi żmien l-ispekulazzjoni dwar il-koppja u jidher li l-inkwiet li hemm bejniethom ilu sejjer għal diversi ġimgħat. Huwa mifhum li Adrian Delia m’għadux joqgħod fid-dar matrimonjali.
Talba li saret il-ġimgħa li għaddiet minn din il-website lil Adrian Delia għal kummenti baqgħet mhux imwieġba u s’issa l-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma ħareġ ebda stqarrija dwar dan is-suġġett.
Adrian Delia u Nickie Vella de Fremeaux ilhom miżżewġin 17 il-sena u għandhom ħamest itfal. Fi żmien daqshekk diffiċli għalihom, din il-website m’hix bi ħsiebha xxandar kummenti li jittrattaw dwar il-ħajja privata ta’ Adrian Delia jew ta’ Nickie Vella de Fremeaux.
M’hemmx dubju li se jkun hemm min jikkritikani talli xandart storja dwar kwistjonijiet ta’ natura privata u fost dawn se jkun hemm qarrejja li ma ħasbuhiex darbtejn jispekulaw dwar dak li jimmaġinaw li huwa d-dettalji tas-separazzjoni ta’ bejniethom.
Madankollu, wara li ħsibtha fit-tul, jidhirli li l-istorja dwar l-inkwiet matrimonjali ta’ mexxej ta’ partit u kandidat għall-kariga ta’ prim ministru hija kwistjoni ta’ interess pubbliku u ninsab fid-dmir li nitkellem dwarha tkun xi tkun ir-reazzjoni ta’ x’uħud.