Agħtu ħarsa lejn dawn il-posters li jinsabu mdendlin fit-toroq ta’ Peruġja. Owen Bonnici ċertament mhux se jibgħat nies mill-Ministeru tiegħu biex ineħħuhom fis-satra tal-lejl bl-istess mod kif posters ta’ protesta hawn Malta jitneħħew fi ftit sigħat wara li jkunu ddendlu. Bl-istess mod li posters imħallsa li ilhom jirreklamaw il-birra u l-burgers għal snin twal jitneħħew fis-satra tal-lejl. U bl-istess mod kif fjuri u xemgħat imqiegħdin mill-attivisti malajr jitwarrbu ftit wara li jkunu tqiegħdu.
Fil-belt ta’ Peruġja, bħal f’kull belt oħra fl-Ewropa, l-attivisti huma liberi li jirreklamaw attivitajiet li jfakkru l-ħajja u l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia mingħajr biża’ li jiġu ċensurati jew li xi ħadd ipattihielhom.
Fil-frattemp, Malta kompliet nieżla ‘l isfel fil-lista dinjija dwar il-libertà tal-kelma. Hawn trolls li b’ton ta’ nkejja jibgħatu jgħiduli li jien ma nistax nilmenta dwar il-libertà tal-kelma f’Malta għax ma ġejtx arrestat, maqful il-ħabs jew torturat talli nikkritika lill-gvern. Dawn taħsbu li se jitilfu l-irqad jekk saħansitra naslu s’hawn? Ma tantx jidhru nkwetati kemm ilu li ġurnalista saret trietaq permezz ta’ karrozza-bomba.
Il-fatt jibqa’ li dak li f’Malta fl-2013 stajt tgħidu bil-libertà kollha, illum jattira t-tpattija u ċ-ċensura.
F’dan il-pajjiż ilna’ kull sena niżlin ‘l isfel u qed isir aktar diffiċli li titkellem fuq affarijiet li ma jdoqqux għal widnejn Joseph Muscat.
Iżda m’għandniex għalfejn ninkwitaw għax Edward Scicluna lis-sewwieq Sud Amerikan tat-taksi jkun lest jgħidlu li din m’hi xejn ħlief perċezzjoni, bħalma hi l-korruzzjoni.
Madankollu li kieku s-sewwieq tiegħu kien f’Peruġja, kien ikollu jgħidlu li jekk posters bħal dawn jiddendlu fit-triqat ta’ pajjiżu, il-gvern ikollu jneħħihom mingħajr telf ta’ żmien.