Dan li ġej inkiteb minn Godfrey Leone Ganado fil-kummenti ta’ taħt il-post ta’ dalgħodu ntitolat Min hu l-klijent tiegħek?
Aqraw il-kumment. Jien ukoll ktibt xi ħaġa taħtu:
Jekk Michelle Muscat kixfet pubblikament il-fatt li Michelle Buttigieg kienet dehret quddiem il-maġistrat Bugeja, u jekk Michelle Muscat għaddiet lill-pubbliku informazzjoni dwar dak li qalet Michelle Buttigieg lill-maġistrat, u jekk il-maġistrat baqa’ ma bgħatx għal Michelle Muscat talli din naqset li tobdi l-ordnijiet tiegħu, allura jien ukoll għandi d-dritt li nagħmel bħalma għamlet il-klijenta ta’ Owen Bonnici u ngħid pubblikament li jien ukoll dehert quddiem il-Maġistrat Bugeja.
L-ewwel ħaġa li laqtitni kienet li kien hemm żewġ impjegati fl-awla tal-qorti li kienu qed jirrekordjaw is-seduta u bħal donnhom kienu aktar moħħhom li jkunu jafu jien min jien u x’kont qed nixhed. Dan għalija kien biżżejjed biex jikkonvinċini dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom u l-irjus kbar fil-Partit Laburista kienu se jkunu jafu lill-maġistrat jien x’għidtlu.
Barra minn dan, waqt li l-maġistrat talab lill-marixxal tal-qorti biex jaqbfel il-bieb tal-awla, hekk kif ħriġt mill-awla wara li kont ilni xi siegħa mal-maġistrat, il-kuridur tal-Qorti kien mimli nies jistennew biex tinstema’ l-kawża tagħhom mill-istess maġistrat. Fost dawn in-nies kien hemm iż-żewġ ulied ta’ John Dalli.
Lill-maġistrat jien kellimtu u għaddejtlu dokumenti dwar is-somma ta’ €400,000 li allegatament saret mill-Egrant lil Buttardi minn flejjes allegatament li tħallsu fil-kont bankarju ta’ Egrant minn bint il-President tal-Ażerbajġan.
Nittama li r-rapport sħiħ tal-Inkjesta ma jibqax biss f’idejn il-ħallelin tal-Labour u li jkolli l-opportunità li niflih biex nara jekk ix-xhieda tiegħi tinsabx fir-rapport u jekk din ġietx rappurtata fedelment.
Kumment ta’ Manuel Delia: jien ukoll kont il-Qorti dakinhar. Jien xhedt fl-inkjesta Egrant flimkien ma’ Godfrey Leone Ganado. S’issa obdejt l-ordni tal-maġistrat biex ma nikkonfermax dan il-fatt pubblikament iżda naqbel ma’ Godfrey li dan kollu issa m’għadux igħodd.