L-istorja mxandra llum fil-Malta Today dwar David Casa ma ġietx pubblikata llum b’kumbinazzjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja proprju llum isservi biss l-interessi ta’ dawk li ħadu pjaċir li llum għamel il-maltemp u għalhekk ma setax jitfakkar l-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Persuna li kien jaħdem fl-uffiċċju ta’ David Casa, li isimha baqa’ anonimu, lil Saviour Balzan qallu li David Casa jagħmel użu minn drogi li huma llegali.
Kemm ilha li xxandret din l-istorja, persuni li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ David Casa, li lkoll iffirmaw b’isimhom, stqarrew li din l-istorja m’hi xejn ħlief gidba.
Jien kellimt lil uħud minnhom u dawn qaluli li kienu qed jistennew li tiġi vvintata xi storja simili għal din — mhux speċifikatamnt dwar it-teħid tad-drogi — jew xi forma ta’ allegazzjoni minn “persuna anonima li kienet taħdem fl-uffiċċju ta’ David Casa”.
U dawn huma ċerti li din il-persuna hi ċertu Andrè Carbonaro.
Lil Andrè Carbonaro nafu. Bejn is-snin 2000 u 2002 ħdimna flimkien ma’ ħaddiema oħra fl-uffiċċju ta’ Austin Gatt. Huwa kien tkeċċa mill-impjieg wara li l-pulizija kienet qabditu illegalment jaħsel xi ċekkijiet. Niftakar li Austin Gatt kien irriżenja dak il-ħin stess iżda Eddie Fenech Adami ma kienx aċċetta r-riżenja tiegħu u appoġġjah f’mozzjoni parlamentari ta’ sfiduċja li kien eventwalment irnexxielu jegħleb.
Aktar tard il-MEP David Casa impjega lil Andrè Carbonaro fl-uffiċċju tiegħu. Din ma kienet idea tajba xejn. Għalkemm Andrè Carbonaro huwa bniedem intelliġenti, l-inkwiet jieklu bil-ħobż. U f’dawn l-aħħar xhur sab ruħu f’baħar ta’ nkwiet.
F’Ottubru 2017, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħarrku fil-qorti għall-ħlas ta’ 100,000 ewro ta’ taxxi mhux imħallsa li kienu dovuti tul l-aħħar 5 snin. L-eks kollegi tiegħu jgħidu li kellu pressjonijiet kbar fuqu u kien ukoll taha għax-xorb.
Ta’ sikwit kien imur għax-xogħol fis-sakra u David Casa spiċċa biex keċċieh.
Għal xi żmien, il-PN impjegah fis-sezzjoni tiegħu tax-xandir. Wara xahar spiċċa tkeċċa minn mal-PN ukoll.
Dalgħodu bgħatt messaġġ bil-WhatsApp lil Andrè Carbonaro u staqsejtu jekk kienx hu li kien kellem lil tal-Malta Today u tlabtu jinfurmani jekk hu kienx qatt għamel rapport mal-awtoritajiet dwar l-użu illegali tad-droga. Dan minħabba l-fatt li skond “l-għejjun” tal-Malta Today, dan l-allegat użu kien ilu jaf bih għal xi żmien.
U staqsejtu wkoll jekk kienx ħallas dak li għandu jagħti lid-Dipartiment tat-Taxxa u, jekk iva, kif ħallas.
Naf fiċ-ċert li l-messaġġ tiegħi qrah – il-WhatsApp malajr jikkonfermalek – iżda s’issa għadu ma weġibnix.
L-għażla taż-żmien li fih ixxandret din l-istorja tikxef il-veru motiv warajha. Qabel intervjena l-maltemp, tal-Labour kienu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jaraw kif iħassru l-attivitajiet li għandhom ifakkru lil Daphne Caruana Galizia. David Casa kien fuq quddiem nett bl-insistenza tiegħu li l-ġustizzja għandha ssir kemm ma’ Daphne u kif ukoll f’dawk il-każijiet kollha li kienet qiegħda tinvestiga. Tal-Labour għalhekk iddeċidew li fuq David Casa jeħtieġ li jsir attakk feroċi.
Jien qatt ma kilt il-kirxa ma’ David Casa u allura ma nistax ngħaddi ġudizzju dwar dak li qed jallega Andrè Carbonaro. Nista’ biss nitkellem dwar il-kredibilità ta’ Andrè Carbonaro.
M’għandniex xi ngħidu, jien nista’ naħlef biss għalija nnifsi: jien ukoll kont ġejt mixli fuq it-Twitter li ninsab maħkum mill-vizzju tal-kokajina. U naf ukoll li, fit-42 sena li ilni ngħix fid-dinja, qatt ma missejt ma’ drogi.
Kemm ilu li ġie mkeċċi minn mal-PN, lil Andrè Carbonaro kien hemm min lemħu fil-kumpannija ta’ Chris Cardona. U allura l-biċċiet tal-katina jibdew jorbtu ma’ xulxin.
Kif torbot ukoll mal-istorja fil-paġna ta’ quddiem ta’ The Malta Independent on Sunday tal-lum li “esklussivament” (li jfisser li kienet ġejja dritt mill-gvern) tikkwota “għejjun” (li jfisser għejjun mill-gvern) li qalu li “mill-investigazzjonijiet” ma rriżultax li Pierre Darmanin kien ċempel lil Chris Cardona wara li f’Ottubru 2016 kien tkellem ma’ Daphne Caruana Galizia u dan qabel ċempel lill-allegat assassin Alfred Degiorgio.
Huwa ċar li qegħdin jippruvaw igiddbu lil La Repubblica li, bis-saħħa tal-għejjun tagħha stess, xandret l-informazzjoni.
X’inhi r-raġuni li din l-informazzjoni tant importanti xxandret baxx baxx mill-“investigazzjoni”? Għaliex ma ħarġux bi stqarrija b’risposta għal dak li xandret La Repubblica?
U ta’ The Malta Independent on Sunday x’kien li ħarbilhom il-fatt li kemm ta’ La Repubblica fil-ukoll tal-Malta Today kienu talbu lil Pierre Darmanin jikkonferma jew jiċħad jekk f’dak il-lejl kienx kellem lil Chris Cardona u li dan kien ħallihom mingħajr tweġiba?
Qed jagħmlu minn kollox biex jimmanipulaw permezz tal-gideb u t-taħwid tal-imħuħ.