Sarah Puntan Galea, waħda mill-qaddejja tat-tagħwiġ tal-verità li għandu Joseph Muscat, għoġobha tgħallem xi ftit ġurnaliżmu lil Simon Reeve tal-BBC. Din mingħaliha li l-bqija tad-dinja topera bħal Malta fejn tal-Labour jgħidilna kif għandna naħsbu, anki jekk naqgħu fl-assurd. Il-fatt li tal-BBC għażlu li jintervistaw lili ma jfissirx li ħaddieħor għandu xi dritt awtomatiku li jibbilanċja fatti li ma jdoqqux għal widnejn il-gvern mal-gideb imxerrdin minnu.
Lil Simon Reeve jien irrakkontajtlu dwar dawn il-fatti li ġejjin:
- Daphne Caruana Galizia inqatlet permezz ta’ karrozza-bomba.
- Il-Mafja Taljana wżat l-industrija tal-gaming f’Malta biex taħsel flus maħmuġin.
- Min jixtieq ikollu passaport Malta, kull m’għandu jagħmel hu li jħallas miljun ewro anke jekk ma joqgħodx hawn.
- Id-dinja tinsab imħassba li Malta qed tintuża mill-ħallelin għall-ħasil ta’ flus maħmuġin.
Minkejja li dawn il-fatti ma jdoqqux għal widnejn il-gvern, dawn fatti jibqgħu u jkun qed jigdeb dak il-kelliem tal-gvern li jipprova jmerihom. U l-ġurnaliżmu responsabbli huwa fid-dmir li lill-pubbliku jgħidlu l-verità. Hawn Malta x-xandir tal-istat għamilha drawwa li jinjora dak kollu li jista’ jirrifletti ħażin fuq il-gvern. U żgur mhux se tkun Sarah Puntan Galea li tilmenta dwar dan b’xi tweet.
Lil tal-uffiċċju tal-prim ministru ta’ Malta, Simon Reeve staqsihom: jaqaw tliftu l-boxxla?
Ma tilfu xejn, Simon. Il-boxxla li għandhom mhix dik li wieħed jippretendi li għandu jkollhom. Tagħhom m’hi xejn ħlief boxxla li għandha twassalhom biex jistagħnew personalment u li jibqgħu jżommu r-riedni tas-setgħa f’idejhom: u allura jkun jeħtieġ li ħadd ma jkun jaf il-verità.
Int mill-uffiċċju tal-PM ta’ Malta?! provi konkreti?! Jaqaw tlift il-boxxla?! #Daphne spiċċat TRIETAQ! + tħassib dwar is-saltna tad-dritt f’Malta: https://t.co/Qf69Lkcqu6 korruzzjoni tal-kbarat: https://t.co/ifAxjpDxn3 Attakki bil-bombi ripetuti: https://t.co/fP6RbrpjII #OhCrapYoureincharge #InTotalDenial https://t.co/g3Utssg1DT
— Simon Reeve (@simon_reeve) 10 ta’ Ottubru 2018