Bħalissa Chris Cardona jinsab taħt il-lenti u ħafna qed jistaqsu għala gideb meta stqarr li lill-allegat assassin numru 1 ta’ Daphne Caruana Galizia li qed jistenna li jgħaddi ġuri Alfred Degiorgio ma jafux. Hekk kif xhieda stqarrew li Chris Cardona ltaqa’ miegħu fil-Ferdinand’s Bar fis-Siġġiewi fiż-żmien meta seħħ l-assassinju, huwa ċaħad li kien iltaqa’ miegħu baqa’ jindisti li jafu biss minħabba r-reputazzjoni li għandu.

U issa sirna nadu li din ma kienet xejn ħlief gidba għaliex Chris Cardona attenda festin madwar il-pixxina ta’ dar privata fis-Siġġiewi  fejn kien hemm ukoll Alfred Degiorgio u inqas minn 40 raġel. Għal dan il-festin, li sar għal persuna li kienet ser tiżżewweġ, kien mistieden Chris Cardona u kien hemm irġiel biss. Wieħed jista’ jimmaġina x-xenarju kollu. Xenarju li fih Ministru tal-gvern iħossu komdu jixrob u jiddeverti fil-presenza ta’ Alfred Degiorgio.

Madankollu ma rridux ninsew li Chris Cardona m’għandux rabtiet biss mal-assassijn numru 1. Chris Cardona midħla wkoll ta’ assassin numru 2, Vince Muscat. Chris Cardona lil dan ma tantx semmieħ dan l-aħħar hu u jakkuża lil min jorbtu ma’ dan il-qtil bħala “redikolu”. 

Chris Cardona kien deher għal Vince Muscat meta fl-2010 dan l-imbierek ittella’ l-qorti liebes flokk u qalziet qasir akkużat bil-hold-up li kien seħħ fiċ-ċentru tal-HSBC f’Ħal Qormi.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li dak iż-żmien ippresjediet il-qorti sejjħet lil Vince Muscat bħala “periklu għas-soċjetà”. Kliem profetiku. Vince Muscat kien assistit mill-avukat tiegħu Chris Cardona.

Issa Vince Muscat jinsab liebes il-manetti u akkużat b’assassinju politiku.