Alex Perici Calascione kien ikkontesta għat-tmexxija tal-PN flimkien ma’ Frank Portelli, Chris Said u Adrian Delia. Kien kiseb it-tielet post. Kemm għar-rebbieħa kif ukoll għat-telliefa, kampanji għat-tmexxija jistgħu iservu biex igħollu l-istatura tal-parteċipanti fit-tellieqa għaliex uħud minn dawn ikunu jafu li ċ-ċansijiet tagħhom ta’ suċċess ikun minimu. Madankollu, parteċipanti bħal dawn jittamaw li d-dinjità, il-presenza u l-imġieba tagħhom matul il-kampanja tqallagħlhom ir-rispett li jista’ jitpartat aktar tard f’rwoli f’partit politiku.

Matul dik il-kampanja l-istatura ta’ Alex Perici Calascione kibret flimkien ma’ dik ta’ Chris Said.

Matul l-ewwel xhur tat-tmexxija ta’ Adrian Delia huwa żamm pass lura u evita konfronti ma’ Adrian Delia fil-kriżijiet spissi li dan sab ruħu fihom kienet x’kienet il-fehma tiegħu dwar l-akkużi ta’ vjolenza domestika fil-qorti fil-konfront tal-mexxej tal-PN, dwar l-istorja li kien taħt investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus maħmuġin jew dwar l-attentat biex ikeċċi l-mexxej ta’ qablu dwar il-kwistjoni Egrant.

Jidher li r-riżultat elettorali tal-bieraħ serva biex Alex Perici Calascione jitkellem fil-beraħ. Meta naqra post fil-Facebook bħal din, nintebaħ li hemm wisq aktar minn appell għar-raġuni. Meta naqra frażi bħal “ħadd m’hu akbar mill-partit,” nifhem li l-kittieb qed jisfida lill-kap tal-partit li mid-dehra jidhirlu li l-agħar riżultat elettorali fl-istorja tal-PN m’hix raġuni biżżejjed biex iwarrab. Għalija dan il-kliem ifisser li Alex Perici Calascione jidhirlu li Adrian Delia għandu jfittex l-interessi tal-PN u jwarrab mit-tmexxija.

Issa jista’ jagħti l-każ li jweġibni biex jgħidli li dan ma kienx il-ħsieb li xtaq iwassal.

Hu x’inhu, għad jasal żmien li fih d-diskors ma jibqax jiġi magħmud għaliex jidher li Adrian Delia mhux kapaċi jaqra’ l-messaġġ li jkun jinsab bejn il-linji.