Dan il-Guest Post inkiteb minn eks uffiċjal anzjan tal-PN magħruf minni. Huwa iżgħar milli forsi taħsbu li hu u għandu aktar esperjenza milli jtik x’tifhem li għandu.
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ġew u marru. B’differenza għall-elezzjonijiet ta’ qabel, ma kontx involut. Madankollu ma stajt ma niftakarx b’nostalġija f’dawk is-sigħat li qattajt fil-kwartier tal-Partit naħdem fi ħdan l-ELCOM u fi ħdan strutturi oħrajn. Ma stajtx ma niftakarx fil-qawmien bikri u fil-belgħat tal-kafè li kont nieħu fil-Każin qabel naqbad triqti biex nissiġilla l-kaxxi tal-voti. Ma stajtx ma niftakarx fil-mijiet ta’ persuni li rikkibt biex neħodhom jivvutaw. Ftakart f’ħafna affarijiet u mort nivvota tard b’nofs qalb.
Iddeċidejt li nivvota għaliex ma ridtx li jbatu David Casa u Roberta Metsola li tant kienu ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar 5 snin u b’mod partikolari f’dawn l-aħħar sentejn meta tħallew fil-ġenb jaqdfu għal rashom minn tal-hekk imsejjaħ “Mod Ġdid”.
Għalhekk fit- 20:30 mort nivvota , ivvutajt 1 & 2 u tlaqt ‘il barra. Qatt ma niftakar li vvutajt daqshekk f’ħakka t’għajn – lanqas fir-referendum.
Issa li r-riżultat qed jiġi mgħarbel miż-żewġ partiti (għalkemm tal-Mod Ġdid jidhru li qed jinjoraw il-messaġġ li ntbagħtilhom), deherli li kelli naqsam ftit ħsibijiet minn tiegħi – b’mod partikolari dwar kif tal-Mod Ġdid iddeċidew li jippruvaw jimminaw lil David Casa biex jilħaq floku Frank Psaila, eks partitarju Laburista li għal darb’oħra ma ħasibhiex darbtejn biex jagħmel dawra durella biex jaqdi l-ħtiġijiet tiegħu – ċertament m’huwiex it-tip ta’ persuna li kien imissu tela’ fil-Parlament Ewropew.
Ma nista’ qatt nivvota għal xi ħadd li mhux kapaċi jaħseb b’moħħu u jħalli lil ħaddieħor jaħseb għalih.
L-ewwel: Frank Psaila beda’ l-kampanja tiegħu madwar sentejn ilu – u dan mingħajr l-approvazzjoni uffiċjali ta’ xi organu tal-partit. Ħaġa bħal din kienet diġà barra minn lokha.
It-tieni: Dan ma setax fisser ħlief li l-pjan biex jittajjar David Casa kien diġà ilu li beda’ madwar sentejn ilu, pjan li spiċċa biex falla bl-ikraħ.
It-tielet: Frank Psaila tħalla sal-aħħar tal-kampanja jippreżenta programm fuq NET TV. Dan ma kienx normali. Skont l-Awtorità tax-Xandir, ftit qabel elezzjoni l-kandidati elettorali għandhom jieqfu jxandru programmi tagħhom fuq it-televiżjoni. Tabilħaqq Jerome Caruana Cilia kien twaqqaf u kien ġie sostitwit minn Karl Gouder. Jerome Caruana Cilia kien kandidat fuq Ħal Qormi (id-distrett ta’ Clyde Puli).
Il-mistoqsijiet li jberrnu fl-imħuħ huma dawn: Jerome Caruana Cilia il-għala twaqqaf ixandar filwaqt li Frank Psaila kompla għaddej? L-Awtorità tax-Xandir lil Frank Psaila talbitu jieqaf ixandar jew le? U jekk talbitu jieqaf milli jxandar, tal-PN injoraw l-ordni u ħallsu l-multa? Jekk dan kien il-każ, x’kien l-ammont li tħallas?
Ir-raba’: filwaqt li Frank Psaila ġab mat-13,000 vot, David Casa ġab madwar 20,000. Differenza ta’ 7,000 vot.
Irriżulta li dik is-sezzjoni ta’ votanti Nazzjonalisti li l-istrateġisti tal-PN ħasbu li kienu ser jivvutaw lil Frank Psaila – il-favorit tat-tmexxija – xorta waħda vvutaw għal David Casa u d-differenza bejniethom kienet ta’ madwar 7000 vot. Huwa ċar li, tul dawn l-aħħar sentejn, din is-sezzjoni ta’ votanti naqset sewwa fin-numru u jew ma kienitx numeruża biżżejjed jew inkella ma kinitx lesta li titmexxa minn imneħirha mit-tmexxija tal-partit dwar il-mod kif kellha tivvota.
Issa ejjew ngħarblu l-voti żejda u kif tqassmu dawk trasferibbli. Meta l-voti żejda (jiġifieri lil hinn mill-kwota) ta’ Roberta Metsola tqassmu lill-kandidati l-oħrajn, David Casa wiret aktar mid-doppju tal-voti minn dawk li wiret Frank Psaila. Tabilħaqq, kull meta ġie eliminat kandidat tal-PN, il-biċċa ‘l kbira ta’ dawk il-voti intirtu minn David Casa u mhux minn Frank Psaila.
Forsi hawn min igħid li dan seta’ ġara’ minħabba l-ordni alfabetika tal-kunjomijiet taż-żewġ kandidati, iżda l-eċċezzjoni għal din ix-xejra tkompli tikkonferma li dan ma kienx il-każ. Meta ġie eliminat Dione Borg, Frank Psaila wiret aktar voti minn David Casa. Min ivvota lil Dione Borg mexa fuq id-direttivi tad-Dar Ċentrali għaliex Dione Borg kien kandidat ieħor li kien qed jiġi mbuttat mill-Partit bil-għan aħħari li jittajjar David Casa. Anki meta waqgħu l-kandidati indipendenti, David kompla wiret aktar voti mingħandhom – dan il-fatt ikompli jikkonferma li kien hemm numru mhux ħażin ta’ votanti li ma kinux lesti li jagħtu l-ewwel preferenza lill-PN iżda mbagħad komplew jivvutaw fuq il-kandidati Nazzjonalisti.
Din ma kienet xejn ħlief sfida ċara lil Adrian Delia. Per eżempju, agħtu ħarsa lejn il-voti li ġabu Alleanza Bidla u l-Partit Demokratiku: meta ġie eliminat Godfrey Farrugia, ix-xejra tal-wirt tal-voti kienet lejn kandidat wieħed. David Casa wiret kważi 400 vot; Frank Psaila wiret 85 vot biss. Meta Cami Appelgren ġiet eliminata, David Casa wiret 900 vot filwaqt li Frank Psaila wiret 185 vot biss.
F’din l-elezzjoni, tad-Dar Ċentrali minflok immiraw l-istrateġija tagħhom biex jissuperaw lil tal-Labour, dawwru l-kanuni tagħhom fuq David Casa u dan tal lit-tmexxija tal-PN tfiha hekk kif għamel sforzi kbar biex ikun Oppożizzjoni għall-gvern effettiva. U spiċċaw ma rnexxilhomx itellgħu lill-benjamin tagħhom Frank Psaila.
Għandi nifhem li dan il-logħob strateġiku lagħbuh ukoll fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Ir-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet se jitfgħu dawl fuq is-suċċess jew in-nuqqas tiegħu ta’ dawk li kienu qed jaħmu l-pjanijiet fid-Dar Ċentrali. Dawn il-voti għad iridu jingħaddu u nitkellmu dwar dawn ir-riżultati aktar il-quddiem.