Il-Qorti Kostituzzjonali llum ċaħdet talba li saret mill-avukati ta’ Konrad Mizzi sabiex huwa jingħata l-fakultà li jappella minn sentenza li kienet tat li permezz tagħha Repubblika u d-Deputat Simon Busuttil kienu ngħataw permess jintervjeni fil-kawża li Mizzi kien għamel u li fiha lmenta li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu bis-saħħa tal-liġi li tippermetti lil Repubblika u lil Simon Busuttil jippreżentaw ilment li huwa kien kiser il-liġi b’rabta mal-iskandli tal-Panama Papers u ta’ 17 Black.
L-avukati ta’ Konrad Mizzi ċedew ukoll it-talba li għamlu lill-Qorti Kostituzzjonali biex din twaqqaf l-inkjesta li ġiet ordnata mill-Maġistrat Doreen Clarke. L-inkjesta issa ser tkompli sakemm Konrad Mizzi ma’ jappellax direttament mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Clarke.
L-avukati John Bonello u Aron Mifsud Bonnici lill-Qorti qalulha li huma għandhom jingħataw il-fakultà li jappellaw mid-deċiżjoni tal-Qorti li permezz tagħha Repubblika u Simon Busuttil ingħataw il-permess li jintervjeni fil-kawża ta’ Konrad Mizzi għaliex kull appell li jsir wara li tkun inqatgħet is-sentenza jkun wieħed inutli.
L-avukat Victoria Buttigieg għall-Avukat Ġenerali qalet li hi kienet se tħalli f’idejn il-Qorti dwar kif għandha tiddeċiedi.
L-avukat Karol Aquilina għan-nom ta’ Repubblika u ta’ Simon Busuttil semma’ każ simili li fih Alfred Degiorgio — wieħed mill-persuni mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia — ma ngħatax il-fakultà li jappella minn sentenza li ppermettiet lill-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li jintervjenu fil-kawża li dan għamel fil-Qorti Kostituzzjonali li fiha huwa allega li d-drittijiet fundamentali tiegħu kienu nkisru.
Il-kawża issa ser tkompli bi trattazzjoni dwar il-mertu tal-ilment ta’ Konrad Mizzi li d-drittijiet fundamentali tiegħu nkisru bis-saħħa tal-liġi li tippermetti lil kull ċittadin li jilmenta li l-liġi tkun inkisret.
Tonio Borg kiteb li s-sentenza li kien ta l-Imħallef Giovanni Grixti f’Jannar li għadda u li fiha qaleb digriet ta’ Maġistrat li ordna t-tnedija ta’ inkjesta fuq talba ta’ Simon Busuttil “kienet qalbet il-liġi rasha l-isfel”.
Id-digriet tal-Maġistrat Doreen Clarke “reġġa’ l-liġi fit-triq it-tajba”.
Toni Borg kompla jgħid “ta’ min ifaħħar lill-Qorti tal-Maġistrati li, ffaċċjata kif kienet bl-avversità, qalet ċar u tond li l-liġi li kienet saret fl-2006 u li permezz tagħha ċittadini u għaqdiet privati ngħataw id-dritt li jippreżentaw rapport għat-tnedija ta’ inkjesta, hi rimedju effettiv u effikaċi”.