Wara Herman Schiavone u Robert Musumeci, tfaċċa l-qaddej numru 3 – David Agius biex ikompli jħawwad fil-borma tal-interpretazzjoni uffiċjali tad-diżastru li l-PN ser ikollu jiffaċċja meta dak li ilna sentejn nafu li ser iseħħ ikun dikjarat uffiċjalment mill-Kummissjoni Elettorali.

David Agius kompla fejn ħalla Robert Musumeci: il-votazzjoni tal-bieraħ m’hix dwar Adrian Delia iżda dwar kwistjonijiet li huwa kien wiret. Mid-dehra, jaħtu Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.

Din l-analiżi mhux biss m’hix korretta iżda hi waħda ta’ partit li jrid jibqa’ ggranfat ma’ xi ħaġa biex mingħalih ma’ jegħriqx.

Forsi kien ikollu raġun li kieku l-PN ma’ mexiex ‘il quddiem )jew mar lura) mill-elezzjoni tal-2017 ‘l hawn. Il-punt m’huwiex dan.

Ejjew iħallu din il-kwistjoni fil-ġenb għalissa.

L-analiżi mhux biss m’hi produttiva xejn iżda lanqas biss tippermetti għal tiswijiet li jistgħu jqiegħeduha fuq it-triq it-tajba. Wara kollox Lawrence Gonzi ilu żmien twil li ħalla x-xena politika u David Agius ma jemminx li Simon Busuttil għandu xi influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu fid-Dar Ċentrali. Niftakru li Adrian Delia kien għamel ħiltu biex ikeċċieh mill-partit.

Meta David Agius ikompli fejn ħalla Robert Musumeci, jinsa’ li dan jidhirlu li teżisti “soluzzjoni” għal din il-“problema”.

Robert Musumeci – bħala portavuċi ta’ Joseph Muscat – irid jidfen ħajjin lill-kritiċi tal-Kbir Mexxej.

Din hi r-raġuni li għar-riżultat elettorali tal-lum, sitt snin wara li tal-labour telgħu fil-gvern, iwaħħal fil-PN kif kien fl-imgħoddi u mhux fil-PN kif inhu llum.

Joseph Muscat mejjet biex jara t-tisħiħ ta’ dan il-PN “ġdid”: partit li qed jiċkien li jiekol minn idejn persuni bħal Robert Musumeci, bniedem li qatt ma riedlu ġid. Partit immexxi minn Adrian Delia.