It-Times of Malta tal-lum tikkwota lil Konrad Mizzi fejn jgħid li huwa jisgħobbieħ li kien fetaħ kumpannija sigrieta bl-assistenza ta’ Mossack Fonseca fil-Panama. M’għandix dubju li għandu l-għali. Iżda għandu l-għali għaliex il-ħajja politika tiegħu kienet tkun ħafna aktar faċli li kieku ma nqabadx fil-fatt.

Konrad Mizzi diġà qed jixjieħ fil-gvern u kull ġurnata li tgħaddi qed jipposponi dak il-jum li fiħ is-setgħa ma tibqax f’idejh, meta n-nies ma tibqax tfittxu u meta ma jkollu lil ħadd biex jipproteġieħ. Jinsab beżgħan minn dak kollu li għad irid isib ma’ wiċċu u għandu għali kbir li seħħew ċirkostanzi li inevitabbilment sejrin iwassluh biex jagħmel il-kontijiet.

Inċidentalment, fl-artiklu tiegħu pubblikat fil-paġna ta’ wara tal-ġurnal Arnold Cassola jgħid l-istess affarijiet fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Dan ukoll qed iħoss il-piż fuq dahru u jittama li jibqa’ ggranfat biex ikompli jgawdi mill-immunità li tagħtih is-setgħa. Ma jistax jitlaq, skont Arnold Cassola. U jidher li hekk hu.

Iżda jekk ikun il-każ li Joseph Muscat jitlaq tassew, Konrad Mizzi qed jagħmel minn kollox biex jeħodlu postu. Għaliex? Għaliex Konrad Mizzi u Joseph Muscat igħattu x-xtur ta’ xulxin. Jekk jinfatam wieħed minnhom, l-ieħor ikollu jlaqqatha wkoll.

U għax il-borma fuq tlieta toqgħod, hemm ukoll Keith Schembri. Dan jippreferi li jibqa’ sieket. Fi dlam ċappa, taralu biss l-abjad ta’ għajnejh.

Dan huwa ta’ sinjifikat kbir għaliex xi drabi l-impunità sħiħa li qegħdin igawdu ma tagħtihomx is-serħan tal-moħħ. Xi drabi ninsew li dawn it-tlieta jafu aktar milli nafu aħna. U dak li jafu ma jserrħilhomx moħħhom. Bil-maqlub, jinsabu mwerwrin li għad jinkixef dak kollu li jafu bih.

Konrad Mizzi jgħid li jisgħobbieh li fetaħ kumpannija fil-Panama. Din l-istqarrija fiha x’tifhem. Għaliex il-kwistjoni m’hix biss dwar Hearnville u Tillgate iżda wkoll dwar il-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji kellhom lil 17 Black u lil Macbridge fil-mira tagħhom. Dawn huma l-istess kumpanniji li mingħandhom Hearnville u Tillgate kellhom jirċievu $5,000 kuljum kull wieħed. Il-kwistjoni hi wkoll dwar il-fatt li sid is-17 Black huwa Yorgen Fenech. Ukoll dwar il-fatt li Yorgen Fenech huwa sid ma’ ħaddieħor tal-Electrogas. U dwar il-fatt li Konrad Mizzi rabat lill-pajjiżna f’kuntratt jinten mal-Electrogas.

Hemm raġunijiet oħrajn il-għala Konrad Mizzi huwa beżgħan. Huwa jaf aktar milli nafu aħna. Iżda jaf ukoll li hemm oħrajn ukoll li jafu aktar milli nafu aħna. U dawn mhux kollha jistgħu jiġu fdati biex fommhom iżommuh sieket.

Fejn kien Yorgen Fenech f’dawn l-aħħar xhur? X’sar minnu? Qed jorqod sew fuq l-imħadda tiegħu? Il-pressjoni ta’ demmu tajba? Għadu jikkonċentra waqt xogħolu?

Konrad Mizzi qed igawdi mill-kenn tal-istituzzjonijiet li ħakem Joseph Muscat. Sentenza bħal dik li ta l-bieraħ l-Imħallef Giovanni Grixti lil Konrad Mizzi tkompli ssaħħaħlu l-impunità u jaħseb li tista’ tagħtih serħan il-moħħ.

Il-mod kif Helena Dalli abbandunat lil Konrad Mizzi hekk kif sabet ruħħa mhux aktar dipendenti mis-saħħa politika ta’ Joseph Muscat ċertament huwa ta’ tħassib għalih. Is-serħan tal-moħħ tiegħu jiddependi mir-rabtiet li għandu ma’ wħud li ma tantx jarawħ ħelu. Hemm ministri onesti li huma fferoċjati għalih talli ġiegħelhom jidhru koroħ. U hemm ukoll ministri diżonesti li ma jġerrħuħx għaliex intebħu li sehemhom mix-xaħam qatagħulhom barra.

Dawn ir-rabtiet għad jinħallu meta jintmessu mir-raġġi tal-ġustizzja.

Għad jasal jum li fih is-sisien ikollhom iċedu. U jkun dakinhar li Konrad Mizzi jitgħallem il-vera tifsira tal-indiema.