Huwa importanti ferm ir-rapport li xxandar dalgħodu fis-Sunday Times of Malta dwar il-mod kif irreaġixxa Joseph Muscat wara li hu, martu, l-assistent tiegħu u tnejn mill-ministri tiegħu rċievew sensiela ta’ mistoqsijiet lejlet il-ħruġ tal-ktieb li ser jiġi pubblikat għada.
Importanti għaliex juri li l-prim ministru ma tgħallem xejn u li m’hu lest li jitgħallem xejn.
L-ittri tagħna ntbgħatu lil ħames persuni, erba’ minnhom li qed imexxu dipartmenti tal-gvern għal żmien misluf lilhom mill-poplu. Il-ħames persuna m’għandhiex rwol uffiċjali fil-gvern. ‘Mart il-prim ministru’ m’hix kariga jew impjieg minkejja li din tista’ toqgħod tippoża kemm trid liebsa ta’ bugħaddasa.
Il-mistoqsijiet li saru lil dawn il-ħames persuni huma marbutin ma’ allegazzjonijiet ta’ illegalitajiet u ta’ korruzzjoni. Naraw ftit fejn dawn żgarraw.
L-ewwel, kif ser issiru tafu għada hekk kif jiġi pubblikat il-ktieb, dawn naqsu li jwieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom. Bħala awturi tal-ktieb, it-tweġibiet li rċievejna kienu barra mis-suġġett daqs kemm kienet irrilevanti t-tweġiba riċenti ta’ Joseph Muscat lil Jacob Borg meta l-ġurnalista staqsa lill-prim ministru sensiela ta’ mistoqsijiet dwar 17 Black u l-prim ministru wieġeb li ‘kien diġà wieġeb kollox’. Meta l-fatti juru li ma kien wieġeb xejn. Meta stqarr li kien diġà wieġeb kollox lissen gidba oħra.
It-tieni, dawn wieġbu b’mod kollettiv minkejja l-fatt li l-mistoqsijiet li saru lil kull persuna kienu differenti u minkejja l-fatt li ma jġorrux responsabbiltà kollettiva għall-istess illegalitajiet. Id-dnub oriġinali tal-korruzzjoni ma jeżistix u lanqas ma hemm maħfra kollettiva għaliha. Konrad Mizzi, per eżempju, mhux xogħlu li jwieġeb dwar jekk Chris Cardona kienx iltaqa’ ma’ wieħed mill-allegati assassini ta’ Daphne. U Chris Cardona mhux xogħlu li jwieġeb dwar jekk Konrad Mizzi kellux igawdi mit-tixħim ta’ 17 Black.
It-tielet, huma wieġbu bħala “l-gvern ta’ Malta”. U dan huwa wkoll il-mod li bih l-avukati tagħhom identifikaw lill-klijent tagħhom. L-ewwel santu ħaġa, Michelle Muscat m’hix il-gvern ta’ Malta u dan minkejja l-fatt li ssemmiet b’mod speċifiku fl-ittra tal-avukati. Malta mhix ir-Renju ta’ Zamunda.
Meta tas-Sunday Times of Malta talbu ġustifikazzjoni għala tqabbdet ditta ta’ avukati biex tassisti lill-“gvern ta’ Malta”, kelliem tal-gvern illum qal li “l-gvern jinsab fid-dmir li jħares l-integrità tal-pajjiż”. Dan hu minnu. Iżda l-punt m’huwiex dan.
Il-mistoqsijiet li għamilna ma tefgħu ebda dell fuq l-integrità tal-pajjiż. Imkien ma għidna li Tizju minn Kerċem jew Sempronju minn Bubaqra għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollettiva għaliex Chris Cardona kien kellem lill-allegati assassini jew għaliex Konrad Mizzi xxaħħam minn kumpannija barranija.
L-iskop tal-mistoqsijiet tagħna kien li nisfidaw ħames persuni, li erba’ minnhom huma uffiċjali pubbliċi, dwar l-integrità li jippretendu li għandhom. Dawn ilkoll huma responsabbli għall-għemil tagħhom u, speċjalment l-erba’ uffiċjali pubbliċi, huma fid-dmir li jwieġbu għal għemilhom.
Jekk, biex nieħdu eżempju, persuna li tbiegħ il-poloz tal-assikurazzjoni tinqabad tisraq minn ħanut, il-kumpannija tal-assikurazzjoni li timpjegah m’għandhiex għalxiex toqgħod tiddefendi l-integrità tal-impjegati l-oħrajn tagħha.
Ir-raba’, jidher li dawn ma qabbdux l-avukati personali tagħhom iżda qabbdu avukati biex jiddefendu lill-“gvern ta’ Malta” bħallikieku Joseph u Michelle Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona minn banda waħda u l-gvern ta’ Malta mill-banda l-oħra huma l-istess ħaġa. Minħabba f’hekk l-ispejjeż legali tal-avukati li tqabbdu jidher li ser joħorġu minn bwiet il-poplu Malti.
Dawn mhux biss għandhom l-ardir li jippretendu li ma jkunu kontabbli lejn ħadd, mhux biss jippretendu li għandhom id-dritt li jitwaħħdu ma’ gvern li l-poplu tahom żmien speċifiku biex imexxu, mhux biss mingħalihom li l-qiegħ li laħqet ir-reputazzjoni individwali tagħhom ifisser li anki r-reputazzjoni ta’ pajjiż sħiħ laħqet il-qiegħ, iżda lanqas għandhom id-diċenza li jaraw li lill-avukati li qabbdu jħallsuhom minn bwiethom stess. Jippretendu li għandu jkun il-poplu Malti li jħallas.
Il-ħames, ġaladarba dehrilhom li huwa l-gvern ta’ Malta li jeħtieġ difiża, il-għala ma qabbdux lill-Avukat Ġenerali li hu mħallas apposta biex jiddefendi lill-gvern? Jew inkella jekk kellhom bżonn ta’ għajnuna legali barranija, għaliex ma qabbdux avukati Maltin bħal Pawlu Lia u Aron Mifsud Bonnici?
Ma tarax! Insew kif kienet irreaġiet Daphne hekk kif Mischon de Reya għan-nom ta’ Henley & Partners kienu bgħatulha ittri mmirati biex jintimidawha u dan bil-barka ta’ “Keith u Joseph”. Milli jidher dawn ħasbu li dan kollu għax irċievejna ittra mingħand Carter-Ruck, jien u sħabi ser nitwerwru.
Nafu li Carter-Ruck m’huma xejn ħlief bulijiet. Il-Private Eye tafhom bħala Carter-Fuck. F’din il-post satirika minn The Daily Mash, dawn qalu lil “kulħadd” li għandhom jirċievu mingħand Carter-Ruck “biex igħidulkom issoddu ħalqkom issa stess inkella jieħdulkom darkom”.
Agħtu daqqa t’għajn lejn il-mod kif David Hooper ta’ The Guardian irrefera għall-fundatur leġġendarju tad-ditta Peter Carter-Ruck: “The libel lawyer Peter Carter-Ruck, who died on Friday, had a chilling effect on the media. He was a chancer, out for the maximum fee. And he did for freedom of speech what the Boston Strangler did for door-to-door salesmen.”
“Il-gvern ta’ Malta,” il-klijent l-aktar riċenti ta’ Carter-Ruck fost lista ta’ klijenti notorji li tinkludi lil Trafigura, iċ-Church of Scientology u Condliffe Hilton, fost oħrajn, se jserraħ moħħu li l-messaġġ mhux daqstant sottili tagħhom wasal fejn kellu jasal.
Ser jużaw flus il-poplu Malti biex jippruvaw jagħmlu sarima ma’ ħalq lill-istampa jew, kif qiegħdha The Guardian xi snin ilu, biex “joħolqu ambjent ta’ biża’ fost il-ġurnalisti”.
Minn naħa tiegħi, nista’ nassigurakom li jiġri x’jiġri l-ktieb tagħna ser jixxandar għada kif kien ippjanat.
L-aħjar mod li biħ wieħed ikun jista’ “jħares l-integrità tal-pajjiż” – biex nagħmel użu mill-kliem bombastiku u pompuż tal-gvern – huwa li juri li għal kull ministru li bi flus il-poplu jipprova jgħatti xturu, hemm ġurnalist ikkargat u lest biex xturu jikxiflu xorta waħda.
Fil-frattemp, ikun tajjeb jekk nsiru nafu kemm ġiet tiswa’ lill-kaxxa ta’ Malta l-ittra li bgħatulna ta’ Carter-Ruck. Għandi għalxiex nifhem li Pawlu Lia u Aron Mifsud Bonnici kienu jiġu mġiegħla jaħdmu ħafna aktar għall-ammont li tħallas lil Carter-Ruck.