Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport mill-qorti. Żewġ imħallfin ddeċidew appelli minn sentenzi li ttrattaw dwar l-istess artiklu.

Il-kwistjoni kienet dwar jekk artiklu mxandar f’The Malta Independent dwar Keith Schembri  – il-prinċep tad-dlamijiet innifsu li huwa wkoll l-id il-leminija tal-prim ministru – u dwar dak li jeħodlu ħsieb in-negozji tiegħu, huwiex malafamanti jew le.

Il-ġimgħa li għaddiet, wieħed mill-imħallfin iddeċieda li l-artiklu ma kienx malafamanti. L-Imħallef jismu Anthony Ellul: bniedem li la huwa Nazzjonalist u lanqas Laburist. Huwa biss Imħallef.

Illum, qorti presjeduta minn Imħallef oħra qalet li tinsab imħassba dwar ir-reputazzjoni ta’ Keith Schembri u li din kien jixirqilha li tiġi mħarsa. Din il-qorti qalet li The Malta Independent kienet malizzjuża f’kitbietha dwar Keith Schembri.

Keith Schembri? Possibbli li dan għandu reputazzjoni x’iħares? Mhux hekk tgħid! Il-Panama, New Zealand u Alla biss jaf x’hemm aktar ma jfakkrukomx f’xi ħaġa?

L-Imħallef imħassba hi Joanne Vella Cuschieri. Din tlaħħqet bħala Imħallef f’April li għadda: ingħatat promozzjoni li, skont Repubblika, hi nulla u bla effett għaliex irriflettiet dak li kienet stqarret il-Kummissjoni ta’ Venezja madwar sena ilu: jiġifieri li s-setgħa u d-diskrezzjoni li għandu l-prim ministru li jiddeċiedi min għandu jikteb sentenzi dwar l-imbierka id il-leminija tiegħu m’humiex konsistenti ma’ dak li huwa mistenni li jseħħ f’sistema demokratika.

Dawn kienu qalu li f’sistema demokratika huwa raġjonevoli li min jitlaħħaq bħala ġudikant m’għandu jkollu ebda suddizzjoni mill-gvern tal-ġurnata.

Dak li qed naraw f’Joanne Vella Cuschieri kienu rawħ tal-Kummissjoni ta’ Venezja: każ klassiku ta’ abbuż tal-poter minn naħa tal-prim ministru.

Fl-2014 Joanne Vella Cuschieri tlaħħqet bħala maġistrat wara li ntgħażlet minn Owen Bonnici minn fost sħabha tal-età tagħha.

Sena qabel, jiġifieri f’Marzu 2013, Joanne Vella Cuschieri kienet kandidata Laburista. Kienet tkellmet pubblikament dwar il-valuri li wirtet mingħand il-ġenituri tagħha. Ma stqarritx li l-ġenituri tagħha kienu għallmuha l-valuri tal-onestà u tal-bżulija. Lanqas ma qalet li kienu għallmuha l-valuri tal-ġustizzja u tas-sewwa.

Ma tarax! Il-lezzjoni li, skont hi, għallmuha tinsab fil-kliem li ġejjin: “Viva l-Labour”. Jekk m’inthomx temmnuni, agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat.

 

F’dan il-pajjiż il-ġustizzja baqgħet tmiss qiegħ wara ieħor. Qiegħ li fih Keith Schembri – l-istess Keith Schembri li ma jista’ qatt jeħles mir-riħa tinten tar-regħba u tal-korruzzjoni li għandu fuqu – (nisfidak tħarrikni, ja korrott) – jista’ jkollu reputazzjoni x’iħares minn imħallef li ħames snin ilu iddikjarat li l-filosofija ta’ ħajjitha tinsab f’żewġ kelmiet: “Viva l-Labour”.

Hekk hu, viva l-Labour.

U l-ġustizzja tkompli tilħaq qiegħ wara ieħor.

Iżda aħna ma naqtgħux qalbna kif ġieb u leħaq.

Kemm il-darba teżisti l-ġustizzja, il-kawża li fetħet Repubblika se tinstema’ u s-sentenzi ta’ Joanne Vella Cuschieri jkollhom jintremew il-baħar.

Minn hemm ‘il quddiem, inkunu nistgħu inħarsu lil The Malta Independent minn kull attentat biex jiġi mxekkel id-dmir tagħha li tinforma lill-pubbliku dwar dak li qed iħawwdu l-korrotti li qed imexxu lil pajjiżna.