Dak li stqarr il-prim ministru l-bieraħ fih wieħed x’jifhem. L-iskuża prinċipali li ġab hi li ma jafx bid-dettalji tal-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex, skont hu, l-pulizija taħdem indipendentement mill-gvern u għalhekk la jista’ u lanqas huwa xieraq li jindaħal.

Dan m’huwiex għal kollox minnu. Aħsbu ftit fuq dak li stqarr dwar kemm ma tantx jemmen bil-maħfriet presidenzjali. Il-kelma “maħfra” m’hix il-kelma adatta għaliex hawn m’aħniex nittrattaw dwar maħfriet. Maħfra tingħata meta xi ħadd jingħata piena għal reat li jkun ammetta li wettaq u l-piena mbagħad titnaqqas b’intervent dirett tal-istat. Dan id-dritt hu mnissel mis-setgħa divina li kellhom ir-rejiet fi żminijiet meta l-ġustizzja kienet kunsidrata bħala waħda retributtiva u li l-ħruxija tagħha setgħet titnaqqas xi ftit b’niskata ħniena.

F’soċjetà demokratika, episodji bħal dawn iseħħu biss eċċezzjonalment. Fiż-żminijiet tal-lum, l-għażla hi favur proċess ġudizzjarju indipendenti li permezz tiegħu tinqata’ sentenza wara li jkunu ttieħdu in konsiderazzjoni d-drittijiet tal-akkużati u d-drittijiet tal-allegati vittmi tagħhom u mbagħad tingħata piena skond il-gravità tar-reat. Illum il-maħfriet jingħataw b’eċċezzjoni f’każijiet fejn tkun twettqet inġustizzja ċara fl-għoti ta’ sentenza. Maħfra għandha wkoll tingħata fil-każ ta’ dawk li jkunu ntbagħtu l-ħabs fuq reati li maż-żmien ma jibqgħux jiġu kunsidrati bħala reati ta’ natura kriminali jew minħabba żball li jkun sar minn ġudikant – bħall-każ li fih Giovanni Grixti kien bgħat lis-sindku taż-Żurrieq il-ħabs u wara ntebaħ li kien ħa żball.

Iżda dan m’huwiex is-suġġett li qed nittrattaw dwaru fiċ-ċirkostanzi preżenti. Nerġa’ ntenni li hawn m’aħniex nitkellmu dwar maħfriet. Qed nitkellmu dwar l-immunità li tingħata mill-prosekuzzjoni lil xhud biex dan ikun jista’ jikxef il-verità.

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kien xejn ħlief att terroristiku mafjuż. Kien delitt kriminali mafjuż imwettaq minn organizzazzjoni. Ma kienx biss konfoffa bil-għan li jitwettaq reat kriminali. Dawk li ngħaqdu flimkien biex jordnaw it-twettiq tad-delitt u biex iħallsu lil min wettaq l-assassinju m’humiex xi persuni li kienu qed igħixu ħajja onesta u għal mument ingħaqdu biex iwettqu delitt uniku. Għall-kuntrarju, dawk kollha li pparteċipaw biex jitwettaq id-delitt huma kriminali tal-lant li ddeċidew li jwettqu l-assassinju biex jgħattu reati kriminali oħra li kienu wettqu.

Dan huwa s-sinjifikat speċjali ta’ dak li kkwotat nhar il-Ħadd li għadda s-Sunday Times of Malta meta rrappurtat dak li qalulha l-għejjun tagħha. ‘Daphne nqatlet minħabba x-xogħol li kienet qed tagħmel. Minħabba dak li kienet kitbet jew minħabba dak li kien bi ħsiebha tikteb dwaru’. Għaldaqstant dan id-delitt twettaq biex jitgħattew delitti kriminali oħrajn jew biex ipattuha lil Daphne talli din kixfithom. Għalhekk ma kienx hemm biss konfoffa b’riżq it-twettiq ta’ delitt kriminali: kien hemm ukoll delitt kriminali mwettaq minn organizzazzjoni kriminali jew minn mafja.

Nieħdu eżempju. Daphne kienet kixfet il-korruzzjoni fil-mod kif jingħataw kuntratti pubbliċi. Kienet kixfet organizzazzjoni kriminali li fiha kienu mdaħħla interessi lokali u barranin kif ukoll uffiċjali privati u pubbliċi. Minn din l-attività kriminali li kixfet jew kien bi ħsiebha tikxef Daphne, dawn il-persuni għamlu jew kienu ser jagħmlu kemxa ġmielha. Fuq dan l-eżempju biss, kienet tkun ġiet assassinata biex jitgħattew dawn ir-reati kriminali.

Il-għala l-assassinju tagħha kien ukoll att terroristiku?

Skont il-liġijiet Taljani ta’ kontra l-mafja, delitt kriminali mwettaq minn organizzazzjoni mafjuża bil-għan li jbeżża’ lil ħaddieħor huwa klassifikat bħala att terroristiku. Dawn il-liġijiet huma mmirati lejn sitwazzjonijiet bħal, ngħidu aħna, l-isplużjonijiet li qatlu lil Giovanni Falcone u lil Paolo Borsellino li kellhom l-effett li jbeżżgħu – riżultat mixtieq mill-mafja.

Dan kollu huwa rilevanti għaliex f’pajjiżi li għaddew minn trawmi ta’ kriminalità organizzata, ssib liġijiet li jipprovdu għall-protezzjoni ta’ xhieda, proċessi “in abstentia“, arresti preventivi, delitti f’assoċjazzjoni u dwar il-piż tal-provi bil-għan li jingħelbu sitwazzjonijiet bħal dawn.

Aħna u nistejqru mix-xokk dwar dak li kien seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017 kmieni wara nofsinhar, baqgħet tberren f’moħħna il-possibilità li Daphne nqatlet għaliex kienet kixfet ir-relazzjonijiet korrotti li jeżistu bejn in-negozju privat u l-politika.

Għalkemm huwa minnu li l-provi biss ikunu jistgħu jikkonfermaw l-involviment ta’ persuni pubbliċi f’dan id-delitt, iċ-ċirkustanzi juru li wieħed ma jistax jeskludi l-involviment tagħhom. Membri tal-korp tal-pulizija li jkellmuk privatament jikkonfermawlek li dawn ma jistgħux jiġu esklużi. Saħansitra anki Silvio Valletta kien għamel stqarrija f’dan is-sens waqt li kien qed jixhed fil-qorti biex jipprova jipperswadi lill-Imħallef li ma kien hemm xejn ħażin li jkompli jmexxi l-investigazzjoni minkejja li martu hi ministru tal-gvern.

Allura x’għodda hemm biex il-provi li min wettaq id-delitt għamel minn kollox biex jostor, joħorġu għad-dawl tax-xemx?

L-għodda tikkonsisti fl-għoti tal-immunità bil-kundizzjoni li tingħad il-verità u li jinġiebu provi li ma jkun jista’ jmerihom ħadd.

Fl-Italja din kienet l-għodda li wasslet biex bosta mafjużi mdaħħlin fil-kriminalità organizzata spiċċaw biex intbagħtu l-ħabs. Fi kliem ieħor, dawn il-kriminali jieħdu li jkun ħaqqhom bis-saħħa ta’ min ikun nidem.

Min ikun nidem ħafna drabi jiġi mpinġi bħala traditur jew ġakbin. Sa ċertu punt min ipinġihom b’dan il-mod ikollu raġun għaliex min qabel kien jifforma parti minn organizzazzjoni kriminali li twettaq delitti kriminali tal-waħx ikun qed idur fuq sħabu u “jugżahom”.

Iżda ċertament ma jagħmilx sens li wieħed iħallat l-indiema mal-għoti tal-“maħfriet”. Il-kelma maħfra hi mislufa mir-reliġjon Nisranija u, skont dan ir-reliġjon, din il-maħfra divina tingħata wara li wieħed ikun għamel qrara. Skont l-Insara, Alla jista’ jaħfer id-dnubiet kollha kemm il-darba ssir qrara quddiem saċerdot, jew quddiem ħaddieħor jekk ma jkunx hemm reliġjuż għad-dispożizzjoni tal-fidili,  u tingħata assoluzzjoni wara li tkun ġiet dikjarata l-indiema. Iżda dan m’huwiex biżżejjed. Tista’ tqerr kemm trid fil-preżenza ta’ saċerdot li jkun marbut li jżomm kollox sigriet: iżda xejn minn dan ma jkun igħodd kemm il-darba min iqerr ma jinbidilx internament u jindem.

L-indiema tal-mafjużi tixbaħ ħafna l-eżempju li għadni kemm ġibt iżda jeħtieġ li ma nilludux ruħna u nibdew naħsbu li l-mafjużi li jindmu jkunu saru nies sewwa. Iżda l-kelma ndiema tolqot il-musmar fuq rasu għaliex din teħtieġ l-azzjoni minn naħa ta’ min ikun nidem, b’differenza għall-maħfriet li min jirċievuhom jibqa’ passiv.

L-immunità li tingħata tkun konsegwenza tad-deċiżjoni ta’ kriminal – li jkun ammetta li wettaq delitt –  li jixhed kontra l-kompliċi tiegħu u kontra min kien qabbadhom biex iwettqu delitt. U dawn jaslu biex jagħmlu dan għaliex ikunu kkalkulaw li jkun jaqblilhom li jitkellmu u jikxfu milli jibqgħu jżommu s-skiet.

Il-biża’ dejjem tħoll u torbot. Dak li jħajjar lill-mafjużi jindmu mhux dejjem ikun limitat għat-tnaqqis fil-piena. Bħala inċentiv, hemm ukoll skemi ta’ protezzjoni għax-xhieda u l-possibilità li min jindem iservi f’ħabs speċjali fejn żgur ma jkunx jista’ jintlaħaq minn dawk li jkun għen biex jintbagħtu l-ħabs.

L-għodda tal-għoti tal-immunità hi għodda fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità mafjuża. Iżda dan ma jfissirx li m’hix ukoll kunsidrata bħala għodda li tista’ tqajjem il-kontroversji. Fl-Italja, kienu bosta dawk il-politiċi populisti li mexxewha li l-immunità m’għandhiex tingħata għaliex tiswa’ ħafna flus u li jibbenefikaw minnha kriminali li lill-istat ma jaħmluħx.

F’Malta konna doqna xi ftit minn dan bl-istorja ta’ Żeppi l-Ħafi. Iżda fuq din l-istorja nitkellmu darb’oħra.

Dawk il-politiċi li jitkellmu b’ton populista biex jiġġieldu kontra l-għoti tal-immunità għandhom inċentiv ċar li jħajjarhom jagħmlu dan. U dan għar-raġuni li min ikun akkwista l-immunità jkun f’pożizzjoni li jikxfilhom għawwarhom u l-fatt li l-politiċi u l-mafjużi huma ħobża u sikkina. Fil-każ tal-Italja din il-konnessjoni tibqa’ tielgħa sal-kariga ta’ prim ministru.

L-istqarrija ta’ Joseph Muscat fis-sens li ma tantx jemmen bl-għoti tal-“maħfriet presidenzjali” tikkonferma li l-gvern m’huwiex ħerqan li jarma lill-investigaturi bl-għodda kollha li tkun meħtieġa biex isibu tarf l-assassinju mafjuż ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ix-‘xettiċiżmu’ isarraf f’indħil politiku. Dan, għal darb’oħra, jammonta għal abbuż tas-setgħa bla tarf li f’pajjiżna hu mogħni biha l-prim ministru. U dan l-abbuż huwa motivat mill-interess partiġġjan – għaliex Joseph Muscat jibża’ li jekk issir investigazzjoni kif suppost, ikun hemm ċans li jinkixef għawwar il-gvern – jew inkella għawwaru stess, għaliex ħadd ma ġie eskluż mill-involviment f’dan id-delitt, inkluż il-prim ministru.

Kien hemm indħil politiku intenzjonat jew li kellu l-effett li jfixkel l-investigazzjoni kif suppost ta’ dan id-delitt. L-indħil politiku żamm lill-awtoritajiet lura milli jsegwu l-kompliċi suspettati. Huma biss jafu l-motivazzjoni wara dan kollu iżda kollox jindika li żammew l-investigazzjoni lura għax teżisti l-biża’ li din tista’ timplika ċerti persuni li huma qrib tagħhom.

Il-gvern għandu s-setgħa li jiffirma l-permessi biex il-pulizija tkun tista’ tissemma’ d-diskorsi telefoniċi u jissorvelja wkoll is-servizzi tas-sigurtà. Il-gvern għandu wkoll is-setgħa li jaħtar u jkeċċi l-kummissarji tal-pulizija li jissorveljaw l-investigazzjonijiet ta’ delitti kriminali. Il-prim ministru u l-ministri tagħna għandhom is-saħħa li jiżguraw li ssir investigazzjoni sseħħ u għandhom il-mezzi wkoll biex, jekk iridu, jaraw li ma sseħħx.

Fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għamlu użu sħiħ minn dawn il-mezzi: raw kif għamlu biex iżommu kollox lura għax beżgħanin li jinkixfu affarijiet li jistgħu jikkompromettuhom.

Il-bieraħ il-prim ministru ikkritika lill-istampa talli din kixfet xi truf dwar l-investigazzjoni dwar dan l-assassinju. Dawn it-truf l-investigaturi kienu ilhom xhur sħaħ li saru jafu bihom. Mal-mogħdija taż-żmien, dawk suspettati jafu sew li hemm min qed “isegwi l-passi tagħhom”.

Ikkunsidraw lill-allegat sensar li fittex għamel it-testment tiegħu jum biss wara li l-allegati assassini kienu nġabru mill-pulizija. X’kienet ir-raġuni li ħa dan il-pass? Tgħid għamel dan għax kien qed jistenna li jmut sforz ix-xjuħija għexieren ta’ snin wara?

Dan huwa punt fundamentali. Jekk l-uniku mod li biħ il-pulizija tkun tista’ twassal għall-kundanni tal-imħuħ wara d-delitt ikun billi iħajjru xhieda minn ġewwa biex jixhdu permezz tal-għoti tal-immunità, allura m’huwiex biżżejjed li wieħed jiddikjara x-“xettiċiżmu” dwar dan l-inċentiv b’riżq il-kxif tal-verità u jista’ jagħti l-każ li jkun jaqbel li x-xhieda potenzjali jegħbu minn wiċċ id-dinja.

Il-mod kif l-awtoritajiet komplew jaħlu ż-żmien u jillużingaw jagħtina stampa li tkexkxek: permezz tal-indħil politiku, il-gvern qed jittama li dawn ix-xhieda potenzjali fil-frattemp tiġrilhom xi diżgrazzja fatali.

Ta’ xejn li wieħed ikun nidem jekk ma jkunx ukoll preżenti biex jagħti x-xhieda tiegħu dwar dawk li ordnaw l-assassinju. U jekk dan iseħħ, l-imħuħ wara d-delitt tistgħu tibqgħu ċerti li jgħadduha lixxa.

Dan kollu jinsab f’idejn politiċi li qed igħidulna li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-invesitgazzjoni.

Din hi proprju r-raġuni għala għandna nipprotestaw. Jekk ma nipprotestawx, inkunu qed ngħinuhom igħadduha lixxa.