Imħallef li ismu baqa’ mistur illum tkellem ma’ Matthew Agius tal-Malta Today u ġie rappurtat li qal li l-kawża li fetħet Repubblika fil-qorti dwar il-mod kif qed jinħatru l-ġudikanti qed “tiddemoralizza” lill-imħallfin. Ta’ min isemmi li l-Imħallef ma jgħidx li Repubblika m’għandhiex raġun. L-argumenti li ġab huma neqsin minn oġġezzjonijiet ta’ natura legali għar-raġunijiet li ġabet Repubblika fil-qorti.

Dan ma jiskantana xejn. Ħlief għal Peter Grech u wħud minn sħabu, ftit li xejn kienu dawk l-avukati li sabu fuqhiex jikkritikaw il-bażi legali tal-ilment ta’ Repubblika.

Il-Qorti tal-Appell diġà ddikjarat li d-diskrezzjoni li għandu l-prim ministru f’dik li hi l-għażla tal-ġudikanti u tal-promozzjoni tagħhom hi waħda assoluta u li l-liġijiet tagħna jista’ jkun li m’għadhomx kompatibbli ma’ dak li huwa mistenni mil-liġi. Din id-dikjarazzjoni s’issa ma kellhiex l-effett li trebbaħna l-kawża. Iżda l-Qorti kkonfermat li l-argument li qed issostni Repubblika huwa wieħed sod.

L-Imħallef anonimu qal li Repubblika kien messha fittxet it-tweġibiet mhux fil-qorti iżda “fil-qorti tal-opinjoni pubblika”.

Tajba din! Dan kien l-istess raġunament li wassal biex kien inħeles Barabba. Jekk dan l-Imħallef għandu raġun igħid li kwistjoniijet ta’ natural legali m’għandhomx jiġu trattati fil-qorti, allura l-ġudikanti għalxiex huma mħallsin?

Ta’ min igħid li Repubblika daħlet il-qorti bit-tama li ssib wens aħħari wara li eżawriet il-mezzi kollha li kellha. Kemm il-darba konna stqarrejna pubblikament li għandha ssir riforma u, minn naħa tiegħu, l-gvern għażel li jinjorana.

Konna ppreżentajna protest ġudizzjarju qabel ma saru l-ħatriet fil-ġudikatura, liema protest ġie injorat mill-gvern. L-Imħallef anonimu ma kienx ikun aħjar li kieku lmenta dwar l-imġieba ta’ Owen Bonnici milli qagħad iġib id-dinja fit-tarf dwar l-azzjonijiet li ħadet Repubblika?

Il-gvern injora wkoll stqarrijiet ripetuti minn naħa tal-Kamra tal-Avukati. U njora wkoll kemm l-abbozz ta’ liġi dwar riformi li kellhom jiżguraw l-indipendenza fil-ġudikatura, kif ukoll lill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Lil Repubblika, il-gvern għadu sal-lum jinjoraha. Il-kawża għadha ma nqatgħetx u l-gvern xorta għadu fil-ħin biex jintroduċi r-riformi meħtieġa rakkomandati mill-Kummissjoni ta’ Venezja b’riżq id-demokrazija. Iżda minn dan kollu, l-gvern m’hu jagħmel xejn u qed jiddefendi fil-qorti l-pożizzjoni li ħa fis-sens li m’għandu għalfejn jagħmel ebda tibdil fis-sistema tal-ħatriet għall-ġudikatura.

Sur Imħallef anonimu, int qed tattakka l-messaġġier. Messaġġier li qed iwassal il-messaġġ li għandek twassal int. Int għandek tkun ħieles mill-influwenza tal-gvern u għandek ukoll tidher li int ħieles minn din l-influwenza. Int – u l-kollegi tiegħek – għandkom tgħelbu dak kollu li qed jiddemoralizzakom u fil-beraħ lill-gvern u lill-parlament għandkom tgħidulhom li jeħtieġ li jsiru riformi biex iħarsukom mill-indħil tal-gvern.

Sur Imħallef anonimu, Repubblika qiegħda tagħmel ix-xogħol li suppost għandkom tagħmluh intom l-imħallfin. U nistgħu nissoponu l-għala qiegħdin tibqgħu lura. Toqgħodu lura milli titkellmu għaliex tibżgħu mill-konsegwenzi. Li kieku kellek ixxandar ismek, tibża’ li tinqabeż meta l-post ta’ Prim Imħallef jitbattal. Jew inkella tibża’ li tinqabeż meta l-gvern jiġi biex jaħtar l-imħallfin għall-qrati Ewropej u internazzjonali. Jew inkella tibża’ li tingħata l-ġenb wara li tirtira u li tara lil sħabek jinħatru biex iservu fl-inkjesti u fil-bordijiet.

Sur Imħallef anonimu, l-imġieba tiegħek tikkonferma li int tinsab taħt it-takkuna tal-prim ministru u li, bħala ċittadini, aħna ma nistgħux inserrħu rasna li s-sentenzi tiegħek ser ikunu dejjem ġusti kemm il-darba jkollna xi kwistjoni ma’ gvern li int tinsab tant imbeżża’ minnu.

Int u sħabek imissu jkollkom il-kuraġġ li titkellmu biex turu l-impenn tagħkom lejn il-ġustizzja u lejn is-saltna tad-dritt. Lill-gvern għidulu li għandu jdaħħal dawn ir-riformi li messhom ilhom li daħlu. Repubblika ma jinteressahiex dawn ir-riformi jidħlux permezz tar-rebħ ta’ kawża fil-qorti jew wara li l-gvern ikun introduċihom minn jeddu.

Li jinteressana hu li jkollna ġudikatura li tara li ssir ġustizzja ma’ dawk iċ-ċittadini li sofrew inġustizzji taħt gvern li jidhirlu li jista’ jagħmel li jrid għaliex il-ġudikanti għandhom is-suddizzjoni minnu.

Rabbi xi ftit kuraġġ Sur Imħallef anonimu.