Ix-xenarju li kellna sa ftit ilu qed jinbidel u jkun opportun, fiċ-ċirkostanzi, li ngħaddi l-kummenti tiegħi.

Għal sentejn sħaħ, minn meta bdejna l-kampanja tagħna f’Ottubru 2017, b’dispjaċir kbir stajt ninnota n-nuqqas ta’ attendenza minn naħa taż-żgħażagħ. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet ‘l hawn u ‘l hinn, kien jidher ċar li l-messaġġ tagħna ma kienx qed jasal għand dawk li għandhom inqas minn 35 sena.

U, bħas-soltu, waħħalna f’dawn in-nies u xlejnihom li jagħmlu parti minn ġenerazzjoni ta’ persuni indifferenti. Persuni li d-demokrazija u l-libertà jieħduhom for granted.

M’għandniex xi ngħidu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn jiġri li t-tort ikun kważi dejjem f’ħoġor dawk li jkunu jridu jwasslu l-messaġġ u mhux ta’ dawk li lilhom inkunu rridu nwasslu l-messaġġ.

Ftit ġimgħat ilu, tal-għaqda tal-istudenti – il-KSU – talbuni biex niltaqa’ magħhom. Kien bi ħsiebhom li jsemmgħu leħinhom dwar l-inġustizzja li ħoloq l-assassinju ta’ Daphne u dwar l-impunità li qed tkompli tinfirex madwar dan il-każ kif ukoll kif qed tinfirex fejn għandhom x’jaqsmu l-investigazzjonijiet importanti li kienet qiegħda tagħmel dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità fid-dinja politika.

U leħinhom semmgħuh tabilħaqq. Fil-15 ta’ Ottubru organizzaw laqgħa importanti li attirat attendenza kbira u li fiha ġiet diskussa s-sitwazzjoni tax-xandir f’Malta. Jiddispjaċini li ma stajt nattendi għal din il-laqgħa peress li dakinhar kont imsiefer. Waqt il-laqgħa, il-president tal-KSU William Farrugia skuża ruħu għall-fatt li l-għaqda tiegħu ftit semmgħet leħinha f’dawn l-aħħar sentejn. Ma kellux għalfejn jiskuża ruħu – l-importanti hu li issa qed isemmgħu leħinhom.

Kien hemm numru mhux ħażin ta’ studenti universitarji li ssieħbu magħna fid-dimostrazzjoni nhar l-Erbgħa. Kien hemm ukoll kontinġent qawwi ta’ studenti ta’ San Alwiġi. Bosta minnhom ħassewhom ispirati bid-diskors li għamlilhom filgħodu s-sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando. U filgħaxija reġgħu ġew bi ħġarhom biex jisimgħu dak li kellu jgħid.

Din ma kieniex xi esperjenza Damaxxena. Kienet biss prova li l-mexxejja qegħdin hemm biex ikebbsu t-tama li d-dimostrazzjonijiet, id-dibattiti u l-parteċipazzjoni jafu jġibu r-riżultati.

Meta nhar l-Erbgħa tkellem Leoluca Orlando, ma tkellimx b’ton funebri. It-ton tiegħu kien wieħed ta’ ċelebrazzjoni u ta’ tama.

Wara kollox, jekk Palermo kellha l-ħila teħles mill-mafja, għaliex m’għandux ikollna din il-ħila aħna wkoll?

Il-belt ta’ Palermo kif kellha l-ħila li teħles mill-mafja? Ħelset mill-mafja għax kellha r-rieda soda li teħles minnha. Ħelset minnha għax ma baqgħetx tagħmel tabirruħha li din ma teżistix u kkonfrontatha bis-saħħa tar-reżistenza.

Leoluca Orlando qal li t-tibdil fil-liġijiet m’huwiex biżżejjed. Il-bidla għandha tkun waħda kulturali u għandha tibda minn ġewwa fina stess. Lill-mafja ma tistax tegħlibha permezz tal-liġijiet. Jeħtieġ li wieħed jgħidilha “le” għall-wegħdiet tagħha favur l-akkwist tas-sigurtà, tal-ġid materjali u tas-setgħa.

Meta ngħidu “le” lill-mafja, ma nkunux qed ngħidu “le” biss għall-bombi, għall-vjolenza u għall-kruha.  Inkunu qed ngħidu “le” ukoll għall-flus ġejjin mill-kriminalità, għall-kuntatti illeċti u għall-vizzji ta’ kultura li nsiet li hi waħda korrotta.

Iż-żgħażagħ għandhom il-ħila li dan jagħmluh. Dawn m’humiex mittiefsa mill-vizzji, mill-biżgħat u mill-iżbalji ta’ soċjetà li tħallat il-letarġija etika u l-atrofija kulturali mal-għerf li ġġib magħha l-esperjenza.

Meta dawn iż-żgħażagħ ikunu ispirati u jkunu mimlijin tama, jistgħu jagħmlu differenza jekk jingħataw l-ispazju kollu biex jikkonfrontaw il-vizzji u l-konswetudnijiet tal-imgħoddi.

U jkollhom il-ħila li jmexxu.

Tqanqalt nhar l-Erbgħa jien u naqra’ l-istqarrija tal-Moviment Graffitti u jien u nara l-mexxejja tal-Aditus fit-toroq mal-folla. Fraħt meta rajt dawk iż-żgħażagħ kollha li wrew li ma jridux igħixu f’pajjiż imtappan bil-kompromessi maħmuġin tal-ħajja li qed ngħixu.

It-triq hi twila u għadna ma wasalniex. Iżda meta fid-dimostrazzjonijiet jibdew jieħdu sehem u jmexxu ż-żgħażagħ, stennew li l-korrotti jibdew jibżgħu. Għaliex għad jasal jum li fih tintemm il-kultura tar-regħba u tal-kompromessi li tathom ir-riħ biex ikissru pajjiż u biex joqtlu ġurnalista li kienet kixfitilhom għawwarhom.