Is-sinjali qed jidhru madwarna u kullimkien.

L-industrija tal-gaming m’hix ser tibqa’ dik li kienet għal Malta għal dawn l-aħħar 10 snin. Dawn il-kumpanniji tal-gaming issa bdew jagħmlu dak li dejjem heddew li kienu ser jagħmlu: li jparpru ‘l barra minn Malta u jmorru band’oħra. Meta kienu bdew jinbtu dawn il-kumpanniji, Malta kienet għaddiet liġijiet biex tkun tista’ tipprovdi liċenzji Ewropej lil dawk in-negozji li setgħu jużaw il-preżenza tagħhom f’Malta biex jilħqu dawk is-swieq Ewropej li ma kienux jeħtieġu liċenzja Ewropea. Dawn il-liġijiet servew l-iskop tagħhom sakemm is-sitwazzjoni baqgħet dik li kienet.

Issa li hemm diversi pajjiżi li qiegħdin jibdlu l-kundizzjonijiet li wieħed ikun irid jissodisfa biex ikun jista’ jopera, il-liċenzja Maltija m’għadx għandha l-valur li kellha. Dawn xorta waħda jibqgħu jeħtieġu bażi minn fejn jistgħu joperaw u, li kieku ċ-ċirkostanzi kienu tajbin, Malta setgħet kompliet testendi l-kompetittività tagħha għal ftit żmien ieħor saħansitra anki mingħajr l-attrazzjoni li setgħet tipprovdi liċenzja li tgħodd għal pajjiżi oħrajn.

Iżda ċ-ċirkostanzi m’humiex ideali. Hemm ċerti fatturi li wieħed ma jistax ikollu kontroll fuqhom. Irridu jew ma rridux, Malta tibqa’ pajjiż żgħir. F’pajjiżna, huwa kważi mpossibbli li ssib in-nies li għandhom is-snajja’ li huma meħtieġa u biex iġibu il-ħaddiema minn barra lil dawn il-kumpanniji jiswihom il-flus. U n-nuqqas fis-suq ta’ ħaddiema bis-snajja’ meħtieġa kompla għolla l-ispejjeż f’dawk li huma pagi biex b’hekk naqqasna ħafna mill-kompetittività li kellna.

Ninsabu neqsin ukoll mir-riżors tal-akkomodazzjoni. Il-ħlasijiet ta’ krejja splodew ‘il fuq. Diġà huwa diffiċli ferm għal dawk il-ħaddiema li jiġu jaħdmu hawn biex jsibu fejn joqgħodu: dawn qed isibu l-ispejjeż tagħhom jiżdiedu minn żmien għal żmien. Il-konsegwenza hi li dawn qed jispiċċaw jitilqu minn pajjiżna wieħed wara l-ieħor.

Kien hemm ukoll fatturi oħrajn. Ngħiduha kif inhi, ma tistax tmexxi negozju kemm il-darba ma tkunx tista’ tagħmel użu mis-servizzi tal-banek. Għal xi żmien, is-Satabank kien serva ta’ refuġju għall-industrija tal-gaming sakemm spiċċa sarilhom l-agħar ħmar il-lejl li seta’ jkollhom. Tal-HSBC u tal-APS qatt ma ntrigaw b’dan in-negozju. Tal-BOV kellhom diversi kunflitti ta’ interess mill-bidu sal-aħħar. Iżda dan il-bank qatt ma seta’ jattira x-xogħol ta’ dawn il-kumpanniji bil-problema li għandu dwar it-transazzjonijiet bid-Dollaru Amerikan.

Issa wasalna s’hawn. Din l-industrija li bħalissa ssarraf għal madwar 13% f’dak li huwa prodott gross domestiku tal-pajjiż jeħtieġ li tidħol industrija oħra biex tieħu postha. Il-gvern għamel ħafna għaġeb bil-blockchain iżda dan il-qasam jidher li huwa ferm ‘il bogħod minn ideali. Kumpanniji li jaħdmu f’dan il-qasam li fetħu f’pajjiżna ftit xhur ilu biss diġà ħabbru li ser imorru band’oħra qabel l-aħħar tas-sena. Ir-raġunijiet għal dan jixbħu ħafna r-raġunijiet għala l-kumpanniji tal-gaming qed isibuha diffiċli li jkomplu joperaw minn hawn. Iżda hemm ukoll il-problema li dawn in-negozji ġodda ma kellhomx żmien biżżejjed biex irabbu l-għeruq f’Malta u għalhekk ma tantx għandhom ħajra li jibqgħu hawn. Il-kobba ser tkompli titħabbel għaliex dawn l-industriji ġabu magħhom infieq ulterjuri fil-pajjiż f’dawk li huma ħlas ta’ kirjiet, spejjeż ta’ divertiment, ta’ trasport, ta’ ikel u ta’ spejjeż relatati.

S’issa ma jidhirx li hemm xi pjan għaddej biex il-vojt li ser iħallu warajhom dawn in-negozji jimtela’ minn oħrajn. Ma’ wiċċna ser ikollna sitwazzjoni ekonomika li tixbaħ ħafna dik li konna ffaċċjajna fis-snin disgħin hekk kif il-kompetittività tal-industrija tat-tessuti u tat-tarznari kienet ġiet kważi fix-xejn u jidher li m’aħniex qed inħejju ruħna għall-bidliet li jkun jeħtieġ li jsiru.

Iżda anki jekk b’xi mod nibdew inħejju ruħna, rridu niftakru li tul l-aħħar ħames snin berbaqna l-ġid li għidna li għandna u li ilna nirriċiklaw mill-1964. Il-Malta Enterprise ta’ Kurt Farrugia ser ikollha biċċa xogħol iebsa ferm biex tkompli tattira l-attenzjoni tal-investituri, hi u tippriedka dwar il-bżulija tal-ħaddiema Maltin, dwar il-fatt li dawn jitkellmu bl-Ingliż, dwar il-fatt li għandhom il-ħila li jitgħallmu snajja’ ġodda, dwar it-trasparenza u l-effettività tal-qafas legali Malti, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura tagħna, dwar l-effiċjenza tas-sistema tal-arbitraġġi, dwar is-sodezza tal-banek tagħna, dwar l-istabilità fix-xena politika, dwar il-valur tal-passaport Malti f’dak li huwa aċċess għal pajjiżi oħra u dwar il-fiduċja u l-ħbiberija li tgawdi Malta mal-bqija tad-dinja.

Ninvestu f’Malta? Smajtuha sewwa? Dak il-pajjiż li l-ministri tal-gvern tiegħu nkixfu fil-Panama Papers? Dak il-pajjiż li jaħsel il-flus maħmuġin tal-Ażerbajġan u tal-Mafja? Dak li pajjiż li fih min għandu s-setgħa ma jiġi arrestat qatt u li l-imħallfin ma jistgħux imissuh? Dak il-pajjiż li fih żewġ banek ingħalqu minħabba ħasil ta’ flus maħmuġin? Dak il-pajjiż li fih ġurnalista nqatlet bi splużjoni ta’ karrozza-bomba?

Dawk li jmorru jisimgħu l-priedki ta’ Kurt Farrugia ma tlumhomx jekk dlonk jintebħu li dan huwa l-istess bniedem li kien deher fir-ritratti tal-laqgħat li erba’ jew ħames snin ilu Joseph Muscat kellu ma’ Ilham Aliyev. U meta jintebħu b’dan, tiskantaw xejn jekk dawn idawwru denbhom, jispiċċaw f’ħoġor il-kompetituri tagħna u jinvestu f’post fejn ma jispiċċawx fl-inkwiet mal-bank li jkunu għażlu li jaħdmu miegħu.

Jiġri x’jiġri, Kurt Farrugia xorta waħda se jibqa’ jiġbor iċ-ċekk tal-paga tal-aħħar tal-ġimgħa.

Iżda x’ser ikunu l-konsegwenzi għal pajjiżna?