Ir-rapport li xxandar fil-ħarġa tal-lum fis-Sunday Times of Malta dwar xeni ta’ għajb li jfakkruk fi żminijiet fis-seklu dsatax li fihom kienu jiġu abbużati lsiera suwed u li seħħew fil-ħabs ta’ Malta, għalkemm huwa xokkanti ma skantana xejn.

Fil-qorti ttellgħu aktar minn mitt ruħ mixlijin talli l-ġimgħa li għaddiet wettqu atti ta’ vjolenza fil-kamp ta’ konċentrament li kienu maqfulin fih. Il-piena li spiċċaw qalgħu wieħed ma jistax isejjħilha ħlief waħda kollettiva, retributtiva u nġusta.

Nibdew biex, ħadd ma ta rendikont taċ-ċirkostanzi tar-rewwixta li seħħet. Tħalltux l-attentat biex wieħed jifhem iċ-ċirkostanzi ta’ att vjolenti mal-ġustifikazzjoni tal-att innifsu. Jien ma nista’ qatt niġġustifika l-vjolenza. Iżda mod att kriminali msejjes fuq ir-regħba u mod ieħor wieħed imwettaq minħabba l-ġuħ, il-biża’ u d-disperazzjoni. Ma nsib ebda diffikultà li niddefendi d-drittijiet li jipprotestaw ta’ dawk li drittijiethom ġew imċaħħdin mingħajr ġustifikazzjoni.

Dawk tkaxkru lejn il-qorti bħallikieku kienu parti minn xi merħla. Dan hu l-mod kif huma mpinġijin dawn in-nies. Minkejja l-isforzi ta’ xi avukati voluntiera, lanqas min jiddefendihom b’mod adegwat ma kellhom. Ebda avukat mustaċċun ma ħareġ għonqu għalihom.

Spiċċaw biex ingħataw piena uniformi mingħajr ma ttieħdu in konsiderazzjoni ir-rwoli li dawn kellhom individwalment u r-responsabbiltajiet individwali ta’ kull wieħed minnhom għal dak li ġew mixlija li wettqu. Għax, bħal speċi, s-suwed huma kollha xorta. U allura, ddikjarawx jew le humiex ħatja ta’ dak li ġew mixlija bih u, kienet x’kienet il-kwalità tal-provi li kien hemm kontrihom – għandi nifhem li l-provi ma kienux tali li wieħed seta’ joqgħod fuqhom – dawn ilkoll qalgħu l-istess piena u ntbagħtu lkoll il-ħabs.

M’hemmx għalfejn ikollna xi grazzja speċjali mal-ħabsin biex nirrikonoxxu li dawn, kemm jekk ikunu bojod, suwed, omosesswali, poeti jew anki muti, huma bnedmin tad-demm u l-laħam u għaldaqstant għandhom ukoll id-drittijiet fundamentali tagħhom ukoll. M’hix kwistjoni biss li d-drittijiet tagħhom bħala priġunieri jinsabu sospiżi. Hi kwistjoni li huma wkoll responsabbiltà tal-istat. Tista’ titwettaq il-vjolenza fuqhom u huma soġġetti għall-ordnijiet ta’ uffiċjali tal-istat li jistgħu wkoll ikunu preġudikati kontrihom.

Din hi r-raġuni għala l-liġijiet tfasslu bis-salvagwardji kollha li hemm bżonn. Il-priġunieri – kemm dawk bojod kif ukoll dawk suwed – m’humiex qegħdin hemm biex joqgħodu jilgħabu bihom il-gwardjani skont kif ifettlilhom. Skont ir-rapport imxandar fis-Sunday Times of Malta tal-lum dawn il-priġunieri ma ġewx trattati kif inhu xieraq.

Meta jiġu miċħuda d-drittijiet ta’ dawk li huma l-aktar emarġinati fostna, ikun imiss imbagħad li jiġu miċħuda d-drittijiet tagħna. Għandna għalxiex inkunu grati lejn dan il-ġurnal u lejn il-ġurnalisti tiegħu u l-għejjun tagħhom talli għaddewlna informazzjoni li ma kellniex insiru nafu biha. Dawn ilkoll huma għassiesa tad-drittijiet tagħna.

Iżda dalgħodu dan kollu ma jservi ta’ ebda konsolazzjoni għall-priġunieri mwerwrin u mġewħin f’Raħal Ġdid. Ċertament mhux biżżejjed li Michael Farrugia joħroġ igħid li bi ħsiebu jinvestiga.

Għandu mnejn li teħtieġ investigazzjoni l-allegazzjoni li fil-bitħa tal-ħabs il-priġunieri ġew imġiegħla jinħaslu kollettivament u li dawn ġew imġiegħla jorqdu fuq sodda waħda tmienja tmienja. Li kieku kellna nitħallew nissorveljaw dan kollu, hekk konna nagħmlu. Iżda ma ħallewniex nersqu lejn il-kampijiet fejn kienu alloġġjati u li fihom uħud minnhom spiċċaw f’ferneżija ta’ ġenn. Lanqas ma ngħatajna ċans li ngħarblu l-mod kif dawn qed jiġu trattati fil-ħabs.

Iżda kull mħallef jew kull maġistrat, jew anki l-avukat ġenerali, m’għandu bżonn ebda permess ta’ xi ħadd, wisq inqas ta’ Michael Farrugia, biex jasal wasla sal-ħabs biex jara b’għajnejh u biex jivverifika dak li ġie rappurtat fis-Sunday Times of Malta huwiex minnu jew le.

Il-liġi dan tippermettieh. L-imħallfin u l-maġistrati, kif dan l-aħħar qal wieħed minnhom b’mod anonimu, il-gvern ma jista’ jagħmlilhom xejn u ma jistax ikeċċihom.

Insejjaħ lill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi sabiex jagħmel użu mis-setgħat li tagħtih il-liġi u jasal wasla sa’ Raħal Ġdid sabiex jara b’għajnejh il-kundizzjonijiet li taħthom qiegħdin jgħixu l-priġunieri fil-ħabs. Meta jsiru żjarat bħal dawn – żjarat li ma jsirux ta’ spiss – l-awtoritajiet tal-ħabs huma obbligati bil-liġi li jżommu reġistru dwarhom u f’dawn ir-reġistru jitniżżel rendikont ta’ dak kollu li m’humiex kuntenti dwaru.

F’diversi sentenzi tal-qorti, ġie deċiż li priġunier għandu dritt fundamentali li jkollu spazju adegwat ta’ akkomodazzjoni fejn ikun jista’ jgħix u jorqod. L-istess igħodd għall-eżerċizzju fiżiku u t-trattament umanitarju, ikel, iġjene u l-bqija.

L-imħallfin ilkoll għandhom is-setgħa mogħtija lilhom bil-liġi li, b’inizjattiva tagħhom stess, jaraw li l-ħtiġijiet bażiċi ta’ kull priġunier qed jiġu mħarsa. Dalgħodu jinsabu ffaċċjati b’allegazzjoni ċara li dan m’huwiex il-każ.

Il-liġi tagħna ħolqot l-istituzzjonijiet li qegħdin hemm bil-għan jiġu mħarsa dawk li huma l-iktar vulnerabbli u dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġ li jiċċaqalqu. Nistennew u naraw jekk l-imħallfin humiex ser iqumu għall-okkażjoni biex jiġu mħarsa drittiejietna.