Il-bieraħ Julia Farrugia għamlet sforz biex twieġeb għall-kritika iebsa ta’ Karol Aquilina. U falliet bil-kbir fl-isforz tagħha. Biex inkunu għidna kollox, mhux lakemm wieħed joħroġ għonqu biex jiġġustifika l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija. Ġustifikazzjoni għal skema bħal din hi diffiċli ħafna. Julia Farrugia l-bieraħ qalet li, skont hi, l-gvern Malti “ma jistax jaqbad u jirrevoka ċ-ċittadinanza” ta’ dawk li jkunu ħallsu l-miljuni biex akkwistawha u dan minħabba xi akkużi li jista’ jkun hemm u li għad ikunu jridu jiġu ppruvati. Skont Julia Farrugia, jekk dawn jeħlu b’sentenza tal-qorti, ċ-ċittadinanza tagħhom tiġi revokata.
Mingħaliha li qalet ħaġa li għandha mis-sewwa.
Meta fil-fatt m’hi xejn ħlief prova oħra dwar kif l-iskema bidlet it-tifsira vera taċ-ċittadinanza. Qabel daħħal lill-pajjiż f’din il-basla, l-gvern qatt ma kien jirrevoka ċ-ċittadinanza ikun x’ikun ir-reat kriminali li jkun twettaq. Jekk jien, li twelidt f’Malta u allura jien ċittadin Malti, niġi kundannat mill-qorti minħabba diversi omiċidji u nitbagħat il-ħabs għal għomri, ħadd ma jista’ jmissli ċ-ċittadinanza Maltija tiegħi. M’għandniex xi ngħidu, ikolli ċerti limiti mposti fuq il-libertà tiegħi li niċċaqlaq minn post għall-ieħor jew li nsiefer barra l-pajjiż. Il-passaport tiegħi ikolli nerfgħu fil-kexxun iżda ma jistax jittieħidli. U, jitnaqqsuli kemm jitnaqqsuli drittijiet, nibqa’ ċittadin tul ħajti.
X’inhi l-importanza ta’ dan kollu?
Matul iż-żmien li fiħ iċ-ċittadinanza ma kienitx għall-bejgħ, ma kontx issir ċittadin Malti b’xi grazzja minn naħa tal-gvern. Kien dritt mogħni bid-dinjtà li ħadd ma seta’ jċaħħdek minnu. M’għandniex xi ngħidu, għalkemm din m’hi xejn ħlief finzjoni legali, ma jfissirx li m’għandhiex ukoll l-importanza tagħha. Il-fatt li ċ-ċittadinanza wieħed ma jistax jirrevokaha kif ġieb u leħaq jagħti ċertu ħarsien lid-drittijiet ta’ kull bniedem għall-inqas f’pajjiż wieħed. M’għandna għalfejn inkunu grati lejn ħadd għall-fatt li aħna ċittadini Maltin u meta Julia Farrugia tgħid li tkun lesta li tirrevoka ċ-ċittadinanza ta’ xi ħadd li jkun ġie misjub ħati ta’ reat kriminali mill-qorti tkun qiegħda tagħmel waħda minn żewġ affarijiet. Jew tkun qed toħloq żewġ klassijiet differenti ta’ ċittadinanza li, għax waħda minnhom tkun inxtrat, tkun revokabbli wara kundanna mill-qorti fuq reat kriminali. Jew inkella tkun qed tbiddel il-qafas permanenti taċ-ċittadinanza tagħna u tirrendieħ revokabbli fuq ordni meħuda mill-gvern.
Nista’ nobsor li Julia Farrugia se tmur tgħid li hi qabdet l-ewwel triq u li l-bażi legali għar-revoka taċ-ċittadinanza taċ-“ċittadini b’investiment” li jiġu misjuba ħatja ta’ reati kriminali tinsab fil-liġi stess.
Ma naqbel xejn ma’ dan ir-raġunament.
Iċ-ċittadinanza m’għandha qatt tkun revokabbli. Hawn min jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija għax ikun iżżewweġ ċittadin Malti. U min jakkwista ċ-ċittadinanza b’dan il-mod jingħata d-dritt awtomatiku li jgħix u li jaħdem f’Malta u li jiġi trattat bħal kull ċittadin Malti ieħor. Iżda sakemm igħaddu numru ta’ snin u jiġi rikonoxxut bħala ċittadin Malti, d-dritt li jgħix u li jaħdem f’pajjiżna jista’ jitneħħielu. Sakemm ma jsirx ċittadin Malti, d-dritt li jgħix u li jaħdem f’Malta jingħatalu biss b’diskrezzjoni tal-gvern u taħt ċerti kundizzjonijiet. Jekk, per eżempju, dan jingħata ċ-ċittadinanza minħabba ż-żwieġ u dan iż-żwieġ jiġi annullat, il-gvern jista’ mbagħad igħaddi biex jirrevoka d-dritt li jibqa’ jgħix f’Malta. Iżda meta jsir ċittadin, iċ-ċittadinanza tiegħu ma tistax tiġi revokata, jiġri x’jiġri miż-żwieġ.
Issa kkunsidraw dan li ġej. Meta l-gvern Malti ddeċieda li jibda’ jbiegħ il-passaporti, għamel hekk għaliex ħass li hawn domanda fis-suq għall-passaporti Maltin. Iżda jibqa’ l-fatt li l-ħruġ ta’ passaport huwa dritt bażiku ta’ min huwa ċittadin u mhux ta’ min m’huwiex. U kien għalhekk li l-iskema regħbija tal-bejgħ tal-passaporti spiċċat biex tat tifsira ġdida lin-nazzjonalità. Skont il-kampanja li għamel il-gvern, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti inħolqot biex tattira t-talent lejn Malta. Iżda l-iskema m’attirat ebda talent. Kien biss il-passaport Malti li serva ta’ attrazzjoni u ta’ kenn. M’għandniex għalfejn niskantaw għall-fatt li dawk li xtraw passaport Malti għamlu dan biex jostru u jaħbu n-nisel veru tagħhom. Min jostor u jaħbi, jagħmel hekk għax ikollu x’jostor u x’jaħbi. Jekk il-gvern jiddeċiedi li jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil refuġjati mill-Korea ta’ Fuq wara li l-gvern ta’ pajjiżhom ikun ċaħdilhom iċ-ċittadinanza għax dawn ikunu ħarbu mill-pajjiż, azzjoni bħal din tkun waħda umanitarja.
Iżda fil-każ tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, m’hemm assolutament xejn li jista’ jiġi kunsidrat bħala umanitarju. Jekk xejn, l-iskema qed isservi biex tagħti l-kenn lill-kriminali. Skema li liċ-ċittadinanza rrendietha bħala oġġett revokabbli li jista’ jinbiegħ u jinxtara’ skont kif ikun ifettillu l-gvern.
Għall-flus, għaffġu bl-addoċċ fuq id-drittijiet u fuq id-dinjità tagħna.