Immorru lura għas-sena 2011. Lawrence Gonzi huwa l-prim ministru. Iċ-chief of staff tiegħu huwa Edgar Galea Curmi. Biex nagħmluha ċara, qatt ma kien hemm l-iċken ħjiel li Edgar Galea Curmi kien ġoloq kumpannija fil-Panama jew x’imkien ieħor biex din tirċievi flejjes mis-sidien ta’ power station. Jew minn x’imkien ieħor.

Cyrus Engerer — tafuh lil dan — kien għadu kemm ingħaqad mal-Partit Laburista. Lill-PN kien telqu wara li, minħabba ċertu nkwiet li kellu mal-pulizija, l-pożizzjoni tiegħu mal-partit fil-gvern ma baqgħetx aktar tenibbli. Fil-frattemp il-Partit Laburista għaddielu l-għodda kollha biex seta’ jissokta l-karriera politika tiegħu.

Ftit wara li Cyrus telaq mill-PN, missieru ġie arrestat minħabba pussess ta’ droga. Skont Cyrus dan l-arrest kien motivat politikament.

Aktar tard Cyrus Engerer jiltaqa’ fit-triq ma’ Edgar Galea Curmi. Lil Galea Curmi, Engerer igħidli li jidhirlu li l-arrest ta’ missieru kien motivat politikament. Galea Curmi lil Engerer igħidlu li din kienet l-ewwel darba li kien sema’ bl-inċident u talbu jibqa’ ma ġenbu sakemm iċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien John Rizzo.

Waqt li Cyrus Engerer qagħad jissemma’, Edgar Galea Curmi jirrakkonta lil John Rizzo dak li kien qallu Engerer. John Rizzo jwieġeb billi jgħid li Engerer kien qed igħid il-ħmerijiet. Kienu ddeċidew li jieħdu azzjoni dwar missier Engerer ħafna qabel iż-żmien li Engerer iddeċieda li jitlaq mill-PN.

Edgar Galea Curmi jitlob lil John Rizzo jekk jistax jispjega l-pożizzjoni lill-avukat ta’ Engerer. John Rizzo jirrifjuta.

Tiftakru x’seħħ wara?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat jinsisti ma’ Lawrence Gonzi li ċ-chief of staff tiegħu għandu jitkeċċa fuq indħil fix-xogħol tal-pulizija.

Bil-kejl ta’ Joseph Muscat ta’ dak iż-żmien, x’messu għamel bl-assistent tiehħu issa?’

Agħtu daqqa t’għajn hawn lejn ir-rapport mill-2011.