Ejjew nibdew billi d-dubji naqtgħuhom barra.

Ir-rapport li xxandar dalgħodu fit-Times of Malta huwa korrett. L-identità tal-persuna li ġiet arrestata l-Ħamis li għadda issa ilha għal xi żmien magħrufa minn xi ġurnalisti minn qabel l-arrest tagħha. L-informazzjoni li tgħid li għandha din il-persuna hi importanti u tista’ twassal biex jinstab tarf tad-delitt. Meta nsiru nafu l-isfond ta’ din il-persuna, ikun minn ewl id-dinja li jkollna l-ħila li naslu għal ċertu konklużjonijiet li jagħmlu s-sens. Jeħtieġ nifhmu li m’aħniex spettaturi f’xi xena drammatika ta’ xi rumanz u t-tfittxija tal-verità mhix immirata għad-divertiment tagħna.

Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba minħabba x-xogħol tagħha. Jingħad x’jingħad u jinkixef x’jinkixef, dan huwa fatt sagrosant. Jeħtieġ li lill-pulizija u lill-prosekuturi nħalluhom iwettqu xogħolhom. Bosta huma dawk l-estremisti li għamlu minn kollox biex lil dawn iżommuhom lura u għad jerġgħu jittantaw jagħmlu dan. U dawn huma tal-fehma li, fl-imgħoddi, l-persuna li hemm is-suspetti dwarha kienet qatlet lil ħaddieħor biex setgħet issalva ġildha. Taħsbu li l-pulizija u l-prosekuturi m’għandhomx għalxiex ma jaħsbux li, ħaġa bħal din, din il-persuna m’għandhiex il-ħila li terġa’ tagħmilha? Għadna fiż-żmien biex iseħħ dak li kien messu seħħ sentejn ilu. Pajjiżna għad jista’ jifdi lilu nnifsu anke jekk, fl-istadju li wasalna fih, jintebaħ li l-qtil ta’ ġurnalista ma jistax ħlief hu l-aħħar att ta’ konfoffa bejn is-setgħa, l-kriminalità u l-flus – is-setgħa politika, l-kriminalità organizzata u l-flus maħsulin – li qiegħda tfittex li timmina u teqred id-demokrazija tagħna kif ukoll id-dritt tagħna li nsiru nafu x’inhuma jħawdu fil-borma.

Wara li jagħlaq dan il-kapitlu tal-istorja ta’ pajjiżna, d-demokrazija jew ser jirnexxielna nsalvawha jew inkella ser nispiċċaw nitilfuha għal dejjem. Din mhix kwistjoni dwar kemm għandna l-ħila għas-sabar. Ir-rabja u l-protesti tagħna, l-attenzjoni li qed ningħataw mill-istampa tad-dinja, mill-Kunsill tal-Ewropa u mir-rapporteur kapaċi tagħha, il-politiċi li għandhom kuxjenza, il-Parlament Ewropew, id-diplomatiċi li jitkellmu privatament, il-ġurnalisti, l-maġistrati, l-membri onesti tal-korp tal-pulizija u l-prosekuturi: mingħajr ma jafu, dawn ilkoll ingħaqdu f’alleanza mmirata biex tiġġieled kontra l-isforzi ta’ dawk li qegħdin jagħmlu minn kollox biex il-verità tibqa’ mistura.

Madankollu il-ġirja tibqa’ sal-barkun u m’hemmx dubju li l-gvern ser jagħmel minn kollox biex jagħmel dak li sentejn ilu messu kien diġà impossibbli: jiġifieri li jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. Se jagħmel minn kollox biex ifarfar mir-responsabbiltà.

Fis-Slovakkja hemm membri parlamentari u mħallfin li spiċċaw biex warrbu wara li ammettew li kellhom kuntatti man-negozjant li allegatament kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Jan Kuciak. F’dak il-pajjiż, il-poplu jistenna li l-mexxejja tiegħu ma jkunux qaqoċċa man-negozjanti li jordnaw il-qtil tal- ġurnalisti.

Iżda l-każ ta’ Malta – jiġifieri l-qtil ta’ Daphne – m’għandu x’jaqsam xejn mal-ħbiberija żejda bejn il-politiċi u n-negozjanti jew ma’ xi attività sponsorizzata minnhom. Hawn qed nittrattaw dwar assassinju li seħħ fl-isfond ta’ attentat biex jitgħattew delitti kriminali oħrajn li jinvolvu mhux biss il-moħħ wara t-twettiq tad-delitt. Issa, aktar minn qatt qabel, neħtieġu r-rabja u l-protesti tagħna, l-attenzjoni tal-istampa tad-dinja, tal-Kunsill tal-Ewropa u tar-rapporteur kapaċi tagħha, tal-politiċi li għandhom kuxjenza, tal-Parlament Ewropew, tad-diplomatiċi li jitkellmu privatament, tal-ġurnalisti, tal-maġistrati, tal-membri onesti tal-korp tal-pulizija u tal-prosekuturi. Ma nistgħux nieqfu u jeħtieġ li nkomplu nissieltu.

Iżda llum nistgħu ngħidu li feġġ raġġ ta’ dawl fuq parti mill-verità.

Ilna sentejn nissieltu biex tfeġġ il-verità. Sostnejna u appoġġjajna lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia b’riżq it-tlugħ fil-wiċċ tal-verità. U issa feġġet parti mill-verità. Din il-verità parzjali ma kienitx tfeġġ li kieku ma ppersistejniex kuljum fit-tqegħid tal-fjuri f’riġlejn il-mafkar fil-Belt Valletta wara li dawn ikunu tneħħew tul il-lejl ta’ qabel. Din il-persistenza m’hi xejn ħlief simbolu tal-pressjoni li qed issir fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex dawn iwettqu xogħolhom kif suppost.

Fil-ġlieda favur is-sewwa, xi drabi ikollna ngħidu ħafna inqas minn dak li diġà nkunu nafu dwaru. Dan ma jfissirx li ninsabu mimlijin sabar. Dan lanqas ma jfisser li m’aħniex irrabjati. Daqs kemm ukoll ma jfissirx li se nippermettu lil min jipprova jeqred it-tama.

Id-determinazzjoni u l-ħeġġa tagħna ser tibqa’ hemm.

Min qatel u min għatta x-xtur ta’ ħaddieħor ser ikollu jħallas.