Baqgħu jirreżistu għal tliet snin sħaħ. Għal-sitta, fil-fatt. Iżda issa qed jinkixef kollox. U qed jikkrollalhom kollox. Joseph Muscat għadu jaħseb li għad jista’ jibqa’ jterraq fil-wiċċ. Għad jirnexxielu. Iżda jirnexxielu biss jekk inħalluh.
Joseph Muscat qed ifakkarni f’Erich Honecker fl-aħħar jiem tal-ħajja politika tiegħu. Bid-differenza li Muscat m’għandux l-armata Sovjetika biex taqbeż għalih. Bosta huma dawk li għadhom ma jistgħux jemmnu dak li qed iseħħ madwarna – il-ġrajjiet li qed iseħħu m’humiex ilaħħqu magħhom.
Iżda li qed iseħħ huwa realtà. Dak li sal-bieraħ konna nqisuh impossibbli, illum sar possibbli.
Hemm rabja kbira fost il-partitarji tal-Labour. Dawn qed intebħu li għaddewhom biż-żmien. Għaddewhom passata. Joseph Muscat u l-klikka tiegħu sfruttaw il-popolarità u l-fiduċja li tawhom l-eluf ta’ segwaċi tagħhom bi igawdu u japprofittaw ruħħom personalment.
Lill-partit tagħhom, dawn ittradewh. U ttradew lill-pajjiż kollu.
Kollox qed isirlhom suf. U n-nies tagħhom qed jieħduha kontrihom.
L-istituzzjonijiet tal-pajjiż jeħtieġ iqumu fuq tagħhom. Uħud minnhom damu wisq ikaxkru saqajhom u oħrajn ġew newtralizzati għax inħatfu. Issa hemm minnhom li bdew jieħdu azzjoni. Iżda aħna għanda hawn. Ma morna mkien. L-istituzzjonijiet huma l-qaddejja tal-poplu u meta dawn ifallu, ikun jeħtieġ li l-poplu jassumi r-riedni.
Joseph Muscat huwa responsabbli għad-diżastru li ġab fuq pajjiżna. Jeħtieġ iħallas ta’ għemilu. M’aħniex se nieqfu sakemm jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu u jwarrab minn Kastilja.
Jeħtieġ li ningħaqdu flimkien u nipprotestaw.
B’riżq il-ġustizzja. B’risq is-sewwa. B’riżq il-libertà.
Joseph Muscat għandu jwarrab.