Illejla nġbarna quddiem l-uffiċċju tal-prim ministru u għamilnilu talba sempliċi ħafna. Tlabna li ma nkunux iggvernati minn min huwa korrott. Aktar tard imxejna lejn il-bini tal-Qorti quddiem il-mafkar tal-Assedju li qed iservi ta’ mafkar għal Daphne u sellimna lill-memorja ta’ din il-ġurnalista li sofriet l-akbar inġustizzja li setgħet issofri.

Kien hemm uħud li riedu juru l-għadab tagħhom li mxew sal-bini tal-Parlament. Dawn bdew igħajjtu u jipprotestaw b’rabja u b’saħħa.

F’att ta’ provokazzjoni infantili, Owen Bonnici insista li joħroġ barra l-bini tal-Parlament mill-bieb prinċipali, li jidħol fil-karrozza ministerjali tiegħu qisu mhux hu u jsuq minn qalb il-folla.

Kien mument mill-isbaħ. X’ippretenda Owen Bonnici li kien ser ikun hemm? Iċ-ċapċip? Skiet ħiemed?

Owen Bonnici għażel li jinsulenta lil dawk li – b’kuntrast miegħu – huma rrabjati li Daphne baqgħet tinqatel kull jum tul dawn l-aħħar sentejn. Kull jum li għadda huwa neħħa u warrab is-simboli tal-protesti tal-poplu u b’wiċċu minn quddiem ried bħal speċi jurihom li huwa stess qed ixejjen il-protesti tagħhom.

Tpaxxejna naraw lill-ministru tal-ġustizzja maqful ġewwa l-karrozza tiegħu stess u lill-uffiċjali tal-pulizija jġibu ruħħom b’mod professjonali. Ma mbuttaw lil ħadd u ma ndaħlux biex iwaqqfu l-protesta. Kienu hemm biss biex jiżguraw li ma jweġġa’ ħadd.

B’xorti ħażina, iżda, uffiċjal tal-pulizija weġġgħet meta ntrifset aċċidentalment mir-rota tal-karrozza ministerjali ta’ Owen Bonnici. Nawgurawlha fejqan ta’ malajr.

Illum rajna xena ta’ Malta ċivilizzata mingħajr il-qerq tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni politiċi. Dak li assistejna għalih kienet ir-rabja ġenwina minn naħa tal-poplu li sab ruħu mingħajr mexxejja u mingħajr skop. Poplu li espriema r-rabja tiegħu għax għandu l-fatti f’idejh.

F’din Malta ċivilizzata, l-uffiċjali tal-pulizija xogħolhom jagħrfuh: dak li jħarsu lin-nies, li jħarsu d-drittijiet min jagħżel li jipprotesta u li jħarsu d-demokrazija.

F’din Malta ċivilizzata, ministru arroganti, nkompetenti u medjokri li għamilha drawwa li jneħħi l-fjuri u li jippromwovi l-kapitali tal-kultura magħmula mill-flus, mill-kompromessi, mill-medjokrità, mir-regħba u mill-korruzzjoni, kellu jinqafel fil-karrozza tiegħu għal madwar 20 minuta – 20 minuta li għalih kienu aktar qishom 20 sena.

Il-poplu tkellem. Joseph Muscat ma jistax jisma’. Għalih issa tard wisq. iżda l-Parlament u l-Partit Laburista għandhom is-saħħa li jġiegħluh jisma’.

Wasal iż-żmien li sseħħ bidla.