Tiftakruh iż-żmien meta Joseph Muscat kien irreaġixxa għall-ewwel protesta minn grupp ta’ nisa tal-Occupy JusticeDawn kienu armaw numru ta’ tined qrib l-uffiċċju tiegħu f’Misraħ Kastilja u għal numru ta’ ljieli raqdu fihom. Azzjoni bħal din ma kinitx waħda li b’xi mod setgħat tixbaħ l-attakk fuq il-Bastille. Iżda tal-Labour kienu ħadu għalihom, ibda’ b’Tony Zarb li ħareġ għan-nofs u lil dawn in-nisa għajjarhom prostituti.

Iżda Joseph Muscat kien għamel stqarrija xokkanti meta qal li ‘l-qtil ta’ Daphne se jisplodi f’wiċċkom’. Kienet stqarrija li ħassbitni sew. M’għandniex xi ngħidu, kemm ilha li ġiet assassinata Daphne, din ma kinitx l-agħar stqarrija li għamel il-gvern. Niftakru li Kurt Farrugia kien stqarr li Daphne ma kienitx assassinata għaliex din il-kelma ġġorr magħha mplikazzjonijiet politiċi. U l-agħar waħda, li għad hawn min iħobb jirrepetiha, kienet li kien iben Daphne stess li qatilha f’konfoffa ma’ dawk li qiegħdu l-bomba meta dan ħalla l-karrozza barra apposta u li ħeba’ provi meta irrifjuta li jgħaddi l-laptop tagħha lill-pulizija ta’ Malta.

Din kienet l-agħar waħda.

Din il-ħrafa faħxija baqgħu jirrepetuha anki wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech. U min jirrepetiha ta’ sikwit jimxi skont id-direzzjoni li jagħtih il-gvern. L-istess gvern li jidhirlu li dawk li qed jipprotestaw bil-qawwa kontra l-assassinju ta’ Daphne ħaqqhom kastig u li dawn għadhom ma jafux x’ser ikollhom jiffaċċjaw.

Ftit jiem ilu, Joseph Muscat qal li jinsab mejjet biex jiżvela dak li ilu jostor għal sentejn sħaħ u li l-velenu li għandu fl-istonku tiegħu dalwaqt ixerrdu. Stqarrija pjuttost stramba. Jaqaw qed jgħid li sentejn ilu Yorgen Fenech kien diġà taħt suspett? Il-fatti juru li ma kienx. Ma nagħmlux mod li dik l-istqarrija ta’ sentejn ilu qed ikompliha u b’xi mod il-fatt li l-istat se jixli lil dak li allegatament xaħħam liċ-chief of staff tiegħu u lill-ministru favorit tiegħu “se jisplodi f’wiċċna”?

Din is-sitwazzjoni tant hi perversa li ma jiġukx il-kliem adatti f’moħħok biex tiddeskriviha. Ġurnalista ġiet assassinata. Mid-dehra l-Pulizija jidhrilha li nqatlet minn xi ħadd li beża’ li jinkixef bħala l-persuna li xaħħmet lil ministri tal-gvern. U fuq dan il-prim ministru ħa r-ruħ? Il-prim ministru qed iħejji biex jirribatti u jikkastiga lill-kritiċi tiegħu? Araw ftit kif il-gvern moħħu biex jiffoka dwar kemm huma mqarbin dawk li qed jipprotestaw. M’għandniex xi ngħidu, storja bħal din ħadd fid-dinja li hu f’sensih m’hu jagħti każha. Ir-ritratti tal-folol jissikkaw madwar il-karrozza uffiċjali ta’ Owen Bonnici nxterdu madwar id-dinja mill-aġenziji tal-aħbarijiet u r-reazzjoni ġenerali kienet waħda ta’ sodisfazzjon li mhux il-Maltin kollha huma ta’ ċiċċi beqqi. Iżda l-gvern irid ipinġi din l-istorja bħallikieku kienet xi forma ta’ rewwixta vjolenti.

Araw x’kitbu tal-Orizzont dalgħodu fil-paġna ta’ quddiem. Dawn xandru rapport qasir ħafna u mġenneb dwar dak li ser jiġi mixli bl-assassinju ta’ ġurnalista u rapport prominenti mimli dettalji dwar il-grif fuq il-karrozza uffiċjali ta’ Owen Bonnici (dik li nħallsu għaliha aħna bit-taxxi tagħna). Jekk il-karrozza sarulha ħsarat, imissu jiġi mġiegħel iħallas għalihom hu għax ma messux ippersista fid-deċiżjoni malizzjuża tiegħu li jsuq qalb il-folla li kienet qed tipprotesta. U jekk m’għandux minn fejn iħallas, imissu jdur fuq l-ispejjeż li kkaġuna mis-serq tal-fjuri, x-xemgħat u l-banners matul dawn l-aħħar sentejn.

Tal-Orizzont, imbierek Alla, nħasdu bil-ħsarat li saru lill-karrozza ta’ Owen Bonnici. U Anġlu Farrugia għal ftit ma tagħtux puplesija bil-qata’ li ħa u issa daħħalha f’rasu li jieħu azzjoni.

Hawn hi d-differenza bejn is-saltna tad-dritt u s-saltna permezz tad-dritt. Liż-żgħir jgħaffġu fuqu u jhedduh bil-liġijiet jekk biss jazzarda jgħolli rasu. Kif stqarret Vicki Ann Cremona dalgħodu lit-Times of Malta meta tkellmet dwar il-protesta li ser issir illejla: “Owen Bonnici jridna nitkellmu dwar erba’ beżqiet li sab fuq il-ħġieġ tat-twieqi tal-karrozza tiegħu, iżda ma jridniex nitkellmu dwar id-demm li hu u l-kollegi tiegħu fil-kabinett jinsabu mċappsin bih. Mhux bi ħsiebna npaxxuh.”

Lil Owen Bonnici, Anġlu Farrugia u l-ġurnalisti kuraġġjużi tal-Orizzont ser nagħmilhom pjaċir. Tridu taraw kif tkun karrozza li tkun saret ragħad? Għaliex ma taqbdux tirrabjaw fuq din?