Illum l-Imħallef Edwina Grima ċaħdet appell li kien sar minn tliet ministri (minn dakinhar ‘l hawn warrab wieħed minnhom) li riedu jirrevokaw digriet ta’ maġistrat li kien ordna t-tnedija ta’ inkjesta kriminali dwar l-imġieba tagħhom fil-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lil persuni mhux magħrufa.

Legalment Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi issa ma jistgħux iżommu lill-maġistrat milli jidentifikahom bħala persuni suspettati li wettqu attività kriminali kompriż dik ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin.

Huwa ta’ sinjifikat is-sehem ta’ Edward Scicluna f’dan kollu. Scicluna huwa ministru tal-finanzi taż-żona Ewro. Waqt li jinsab f’din il-kariga, mil-lum qed jiġi investigat kriminalment dwar ħasil ta’ flus maħmuġin, dwar allegata kompliċità f’tixħim, dwar involviment fil-kriminalità organizzata u f’konfoffa kriminali. Lista tassew impressjonanti.

L-Imħallef Edwina Grima qalbet deċiżjonijiet li kienu ttieħdu aktar kmieni mill-Imħallef Giovanni Grixti u ddeċidiet li l-inkjesti maġisterjali issa jistgħu jinbdew.

L-inkjesta dwar l-iskandlu tal-isptarijiet kienet ġiet ordnata wara li saret talba fil-qorti minn Repubblika. Għall-ewwel kienet ingħatat ordni mill-maġistrat biex issir inkjesta iżda din l-ordni kienet ġiet revokata mill-Imħallef Giovanni Grixti wara li kien sar appell mill-Ministri.

Aktar tard, Repubblika reġgħet għamlet talba oħra li kienet armata b’informazzjoni ġdida u inħarġet ordni mill-maġistrat biex titnieda inkjesta. L-appell kien mistenni li jinstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iżda din irrikużat ruħħa. Meta l-każ ġie quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, dan irrikuża ruħu wkoll. Iż-żewġ Imħallfin ħassew li kellhom kunflitt ta’ interess. Ħu l-Imħallef Scerri Herrera hu ministru tal-gvern filwaqt li l-ħatra tal-Imħallef Bugeja qed tiġi kontestata minn Repubblika f’każ separat dwar l-indipendenza tal-ġudikatura.

Il-każ spiċċa biex ġie assenjat mill-Prim Imħallef lill-Imħallef Edwina Grima li llum tat is-sentenza tagħha.

Għal Repubblika deher l-avukat Jason Azzopardi.